Internazzjonali

Ġappun: Naruhito jikkonkludi l-proklamazzjoni formali ta’ Imperatur

L-Imperatur Naruhito ipproklama, formalment, li ‘qiegħed jokkupa t-tron’ tal-Ġappun waqt ċerimonja elaborata li saret fl-aħħar sigħat fil-palazz imperjali f’Tokjo.

L-Imperatur, li għandu 59 sena, kien beda r-renju uffiċjali f’Mejju wara li missieru, l-Imperatur Akihito, kien abdika mir-rwol li għandu sinifikat speċjali għall-Ġappuniżi.

Issa, il-fatt li Naruhito jinsab fuq it-tron ġie formalizzat permezz taċ-ċerimonja Sokui no Rei (tal-aċċessjoni), bl-Imperatur jieħu postu fuq it-tron ta’ Takamikura, li hu twil mas-6.5 metri.

Naruhito qara l-proklamazzjoni formali b’libsa ta’ lewn isfar u oranġjo li l-imperaturi Ġappuniżi jilbsu biss għal okkażjonijiet speċjali. B’din il-proklamazzjoni, l-Imperatur ‘wiegħed li jaġixxi skont il-Kostituzzjoni u biex jaqdi r-responsabbiltajiet tiegħu bħala s-Simbolu tal-Istat u fl-interessi ta’ poplu Ġappuniż magħqud’.

Il-formalizzazzjoni tal-aċċessjoni fuq it-tron saret wara sensiela ta’ ritwali tradizzjonali fil-palazz imperjali.

Għal din iċ-ċerimonja elaborata – li fil-parti kbira tmexxiet fis-silenzju – attendew il-mijiet tad-distinti barranin, fosthom il-Prinċep Charles tar-Renju Unit kif ukoll il-President ta’ Malta t-Tabib George Vella.

Sadattant, iċ-ċerimonja saret meta l-Ġappun għadu qed jistejqer mill-effetti tat-Tifun Hagibis li ħallew tal-anqas 80 mejtin, u meta kien deċiż li l-parata ta’ ċelebrazzjoni tkun posposta għal data oħra b’rispett għall-vittmi u l-familji tagħhom.