Budget 2020 Lokali Parlament

Gvern arroganti u bla soluzzjoni għall-problemi li ħoloq hu stess – PN

Komdi huma, komdu kulħadd

 Il-budget ta l-ewwel ħjiel ċar ta’ Gvern li tilef kull sens ta’ bilanċ. Id-diskors tal-lejla kkonfermah għal kollox. Illejla l-Prim Ministru ma weġibx mistoqsija waħda mill-mistoqsijiet li staqsejna llum dwar dak li seħħ f’Ħal Far.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista wara d-diskorst tal-Prim Ministru fil-Parlament aktar kmieni llejla.

L-istqarrija tgħid li l-poplu nkwetat kien ilbieraħ, u nkwetat baqa’ llum. Joseph Muscat ħallihom inkwetati.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dwar l-immigrazzjoni irregolari jgħid ħaġa u jagħmel oħra. Dwar is-sitwazzjoni fl-isptarijiet mmexxija minn Steward Healthcare ma qal xejn. Is-soltu jiftaħar bihom. Għaliex ma semmihomx illum? X’ġara? Dwar l-Universita Amerika ta’ Sadeen illum ma qal xejn. Din ukoll kien jiftaħar biha. X’ġara? Kemm ġew studenti s’issa? Għal Joseph Muscat, li hawn eluf qegħdin ibatu biex jikru jeħodha lightly. Komdi huma komdu kulħadd. Il-wegħda li għamel ftit ġranet ilu, meta qal li se jagħmel lil kulħadd sinjur żgħir, issa warraba. Is-sinjuri żgħar huma l-ftit qrib ta’ Kastilja u l-erba’ barranin sinjuri li tahom il-passaport u għamilhom Maltin

L-istqarrija tgħid li fid-diskors tal-lejla, l-Gvern qed jagħżel li jinjora l-early school leavers li mhux qed jaslu li jilħqu l-milja ta’ ħajjithom meta mhux qed ikomplu bl-istudji tagħhom. Jinjora lill-ħaddiema li qed ikollhom jikkompetu maċ-cheap labour bl-importazzjoni tal-ħaddiema barranin.

Jinjora lill-middle class li mhux qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u ż-żidiet kontinwi fil-prezzijiet u lill-għalliema u l-edukaturi li qed iħossuhom imwarrbin u  demoralizzati.

Jinjora lill-anzjani li se jibqgħu jitħabtu sabiex jaslu sal-aħħar tax-xahar.

U jinjora wkoll lis-self employed, bħalma għamel fil-budget illum reġa’ injorahom, u njora l-fatt li qed ikollhom iġorru piżijiet kbar.

L-istqarrija ttemm tgħid li għall-kuntrarju, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhux biss qed tiddentifika l-isfidi imma qegħda toħroġ ukoll bi proposti għall-ġid tal-poplu Malti. Il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għal pajjiżna fejn it-tkabbir ekonomiku ma jibqax jitkejjel biss bil-GDP, fejn kulħadd ikollu serħan il-moħħ għal għixien diċenti, fejn kulħadd ikollu saqaf fuq rasu, fejn jgħodd x’taf u mhux lil min taf, fejn il-ġid li jinħoloq verament jasal għand kulħadd u fejn kulħadd ihossu kburi li huwa Malti.