Wara li f’żewġ każijiet, kien irrappurtat li l-ġenituri ntqal lilhom li ebda uffiċjal tal-iskola mhu se jamministra mediċina essenzjali lit-tfal minħabba nuqqas ta’ persuni mħarrġa fl-iskejjel rispettivi, l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tat-Tfal fl-Iskejjel tal-Gvern (MAPSSS) uriet id-diżappunt tagħha lejn il-mod kif qed jaġixxi l-Gvern.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet illi dan qed iwassal għal sitwazzjoni fejn ġenituri qed issirilhom pressjoni indiretta biex ma jibagħtux it-tfal l-iskola – xi ħaġa li tmur kontra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti.
Huma qalu li l-għalliema, il-learning support assistants u s-senior management team għandhom rwol “minflok il-ġenituri” biex jiżguraw is-saħħa, is-sigurtà u ambjent san għal kull tifla u tifla fil-klassijiet u fl-iskejjel rispettivi tagħhom.
Fid-dawl ta’ dan, il-MAPSSS kitbet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u lill-Kummissarju għat-Tfal biex tappellalhom jaħdmu flimkien sabiex, malajr kemm jista’ jkun, isibu soluzzjoni konkreta biex jindirizzaw mhux biss il-każijiet speċifiċi li ħarġu fil-midja, iżda wkoll każijiet ta’ tfal oħra li jbatu minn kundizzjonijiet ta’ saħħa li jkun jeħteġilhom rispons immedjat.
MAPSSS appellat lill-Gvern biex ifassal Politika Nazzjonali li tiżgura, li f’każijiet simili, id-drittijiet tat-tfal ikunu rispettati.
//= $special ?>