Hekk kif illejla jittieħed vot kruċjali dwar il-mozzjoni tal-PN intiża biex il-Parlament isejjaħ Emerġenza tal-Klima, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qed ikompli jżid il-pressjoni tiegħu sabiex il-Gvern jagħti kas liż-żgħażagħ.
Filwaqt li l-ittra tal-ġimgħa li għaddiet intbagħtet f’isem il-Bord Eżekuttiv tal-istess Kunsill, din id-darba l-KNŻ bagħat dikjarazzjoni li saret flimkien mal-Għaqdiet Membri fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Din l-ittra turi biċ-ċar li l-Għaqdiet Membri tal-Kunsill, li jvarjaw minn għaqdiet studenteski, eNGOs, għaqdiet volontarji u politiċi mhux qed iħarsu lejn din il-materja bħala waħda ta’ politika partiġġjana, iżda qed iħarsu lejha minn lenti ta’ żvilupp sostenibbli għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
“Kif iż-żgħażagħ qed juru biċ-ċar li kienu kapaċi jwarrbu l-opinjonijiet politiċi tagħhom aħna nerġgħu ntennu l-appell tagħna biex anki intom, membri eletti fid-dar tar-rappreżentanti f’isimna, twarrbu d-diviżjonijiet politiċi ta’ bejnietkom u tingħaqdu għall-ġid ta’ dan il-pajjiż”, qal il-KNŻ fi stqarrija.
Din il-pożizzjoni uffiċjali kienet iffirmata anke mill-Forum Żgħażagħ Laburisti u mill-għaqda Pulse fost l-oħrajn.
//= $special ?>