Illum tressqu l-Qorti għadd ta’ persuni b’rabta mar-rewwixta li seħħet fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn.
Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Sigurtà Nazzjonali Beppe Fenech Adami u l-Kelliem għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici, il-Partit Nazzjonalista innota b’sodisfazzjon l-azzjoni tal-Pulizija biex issir ġustizzja wara dak li seħħ, fejn rajna xeni li jinkwetaw lil kull Malti u Maltija li lesti jagħtu kenn lil min hu f’periklu li jitlef ħajtu iżda ma jridux li jkun hemm min jabbuża mill-ospitalità tal-Maltin u jikser il-liġi.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni solidarjetà mal-uffiċjali taċ-Ċentri ta’ Detenzjoni, l-Pulizija u s-suldati li qegħdin, ta’ kuljum, iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi kbar f’dan il-qasam.
Wara r-rewwixta, l-Gvern ma tax spjegazzjoni ċara mhux biss dwar dak li seħħ iżda lanqas dwar dak li qed iseħħ fiċ-ċentri ta’ detenzjoni. Għalhekk illum il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ lill-Gvern biex jagħti tweġibiet għall-mistoqsijiet li qed jagħmel il-poplu Malti:
- Kemm hemm persuni fiċ-Ċentri tad-detenzjoni?
- Kemm hawn persuni Malta li għandhom ażil?
- Kemm hawn persuni li qed jistennew jingħatawx, jew le, ażil?
- Minkejja l-wegħdiet tal-Gvern kull darba li jidħol xi grupp ta’ immigranti, li dawn se jiġu rilokati, ċ-ċentri ta’ detenzjoni minflok jonqsu n-nies minnhom qed jiżdiedu. Kemm ġew ripatrijati immigranti mill-bidu ta’ din is-sena?
- X’inhu l-proporzjon ta’ ufficjali mal-immigranti fiċ-ċentri?
- Meta jseħħ irvell hemm uffiċjali biżżejjed biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni?
- L-uffiċjali tad-detenzjoni x’kundizzjonijiet tax-xogħol qed jingħataw?
- L-uffiċjali tad-detenzjoni spiss jilmentaw minn theddid li jhabbtu wicchom miegħu ta’ kuljum. X’passi qed jittieħdu mill-Gvern dwar dan?
- L-uffiċjali tad-detenzjoni attrezzati biżżejjed biex jikkalmaw irvellijiet u jipproteġu lilhom nfushom?
- X’komunikazzjoni tinżamm bejn l-istaff u r-residenti fiċ-ċentri tad-detenzjoni?
- Xi privatezza għandhom ir-residenti fiċ-ċentri ta’ detenzjoni?
- Il-postijiet ta’ detenzjoni jifilħu għall-ammonti ta’ persuni li hemm fihom?
- X’politika ta’ integrazzjoni qiegħed jew irid li jimplimenta l-Gvern?
Il-ħsara estensiva li saret fiċ-ċentru ta’ Ħal Far, u d-diffikultà ċara biex tiġi lura għall-ordni, huma lkoll indikaturi li ntilef il-kontroll u għal dan hemm kaġun li jrid jiġi identifikat. L-Istat għandu d-dmir li jinvestiga bir-reqqa biex il-verità tal-fatti jiġu għad-dawl tax-xemx.
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk, issa li l-provi jistgħu jinġabru malajr, jitlob li għandu jkun hemm bord ta’ inkjesta stabbilit immedjatament sabiex r-raġunjiet u r-responsabbilitajiet jiġu indikati.
//= $special ?>