Benny Gantz, l-eks kap tal-militar Iżraeljan, għandu l-opportunità biex jifforma Gvern ġdid wara li l-Prim Ministru ta’ Iżrael – u rivali kbir – Benjamin Netanyahu qal li ma jistax iwassal għal amministrazzjoni ġdida mmexxija minnu.
Netanyahu, li ilu fil-poter għal dawn l-aħħar għaxar snin, ma rnexxilux jibni koalizzjoni b’maġġoranza wara li l-elezzjoni ġenerali ta’ Settembru (f’Iżrael) wasslet għal riżultat inkonklussiv.
Intant, il-President ta’ Iżrael, Reuven Rivlin, qal li se jagħti lil Benny Gantz — li kkuntesta din l-elezzjoni bħala Kap tal-Partit tal-Blu u l-Abjad — sa 28 jum biex imexxi n-negozjati għat-twaqqif ta’ Gvern.
Dan sar magħruf wara li Netanyahu falla f’kull tentattiv biex jipperswadi lill-partit ta’ Gantz biex jidħol f’koalizzjoni miegħu. Fil-fatt, Benjamin Netanyahu, filwaqt li ħabbar li ma kienx se jkompli bl-isforzi biex iwaqqaf Gvern, ammetta li hu ‘spiċċa miċħud fid-diversi drabi li pprova jikkonkludi koalizzjoni’.
Hu enfasizza li ‘minkejja l-isforzi tiegħu biex jiltaqa’ ma’ Benny Gantz madwar il-mejda tan-negozjati, hu ( Gantz) baqa’ jirrifjuta sal-aħħar’. Netanyahu qal li l-isforzi kienu intiżi ‘biex jevitaw elezzjoni oħra f’Iżrael’ u biex il-pajjiż ikollu Gvern għall-għaqda nazzjonali b’rappreżentanza ta’ diversi partiti.
//= $special ?>