Sport Waterpolo

Malta fl-istess grupp mat-Turkija fil-Kampjonat Ewropew ta’ Jannar li ġej f’Budapest

Malta telgħet fi Grupp Ċ ma’ Spanja, l-Ungerija u t-Turkija hekk kif f’Budapest telgħu l-poloz għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew. Dan il-konfront jista’ jkun determinanti hekk kif rebħa f’dan il-konfront tista’ twassal biex Malta tispiċċa mal-ewwel 12-il nazzjon.

Fl-edizzjoni tal-2016 f’Belgrad, Malta kienet rebħet 14-13 kontra t-Turkija bl-għoti tal-penalties wara li l-logħba ntemmet 10-10 biex spiċċat fil-15-il post. Is-sena l-oħra f’Barcelona, Malta wkoll lagħbet kontra t-Turkija għal min jispiċċa fil-15 u s-16-il post, bit-Torok joħorġu rebbieħa 13-12 bl-għoti tal-penalties wara li l-logħba ntemmet 7-7.

Malta tinsab mal-aqwa 16 tal-Ewropa għat-tielet edizzjoni konsekuttiva. Din se tkun il-ħames darba li l-Ungerija se tospita l-Kampjonat Ewropew wara l-ewwel edizzjoni fl-1926 u l-edizzjonijiet tal-1958, l-2001 u l-2014. Fiċ-ċerimonja ħadu sehem fost l-aqwa plejers Ungeriżi tal-passat. Norbert Madaras u Tamas Molnar li fil-passat lagħab anki f’pajjiżna ma’ Neptunes tellgħu l-poloz tal-irġiel filwaqt li Ritra Dravucz u Agnes Valkay tellgħu l-poloz tan-nisa.

Fit-tournament tal-irġiel, is-Serbja se tkun qed tfittex li tirbaħ il-ħames Kampjonat Ewropew konsekuttiv u tilħaq dak li għamlet l-Ungerija bejn l-1926 u l-1938. Bħal dak li seħħ fl-aħħar edizzjoni, is-Serbi jinsabu fil-grupp mar-Russja u r-Rumanija.

Iċ-champions tad-dinja l-Italja se tilgħab kontra l-Greċja f’dik li se tkun l-aktar logħba li se tispikka mill-ewwel ġurnata. L-Ungeriżi telgħu fil-grupp tal-finalisti tal-aħħar edizzjoni Spanja filwaqt li l-Kroazja u l-Montenegro se jerġgħu jiltaqgħu kontra xulxin bħal meta ltaqgħu fil-kwarti tal-finali f’Barcelona.

Il-Kampjonat Ewropew se jsir bejn it-12 u s-26 ta’ Jannar fid-Duna Arena f’Budapest. Il-poloz jitilgħu fil-ġimgħat li ġejjin iżda l-ewwel konfront ta’ Malta se tkun kontra Spanja.

Il-gruppi kollha

Grupp A: Kroazja, Montenegro, Slovakkja, Ġermanja

Grupp B: Serbja, Russja, Rumanija, Olanda

Grupp Ċ: Spanja, Ungerija, Turkija, Malta

Grupp D: Italja, Greċja, Georgia, Franza