Lokali

Raġel isofri ġrieħi serji f’inċident tat-traffiku

Raġel ta’ 46 sena residenti Birkirkara sofra ġrieħi serji wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Birkirkara stess.

Stqarrija tal-pulizija tgħid li l-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tad-9.20p.m. fi Triq Dun Karm, kantuniera ma’ Triq Tumas Fenech meta karozza tal-għamla Renault Clio misjuqa minn żagħżugħ ta’ 25 sena minn Birżebbuġa għal xi raġuni ħabtet ma’ karozza tat-tip Smart Fortwo misjuqa minn żagħżguħ ta’ 26 sena residenti f’Birkirkara. Ir-raġel ta’ 46 sena kien passiġġier fil-vettura Smart.

Pulizija mill-għassa ta’ Birkirkara marru fuq il-post u minnufih issejjaħ tim mediku li ħa lis-sewwieq u l-passiġġier tal-karozza Smart l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard is-sewwieq kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li l-passiġġier kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji. Is-sewwieq tar-Renault Clio ma sofra ebda ġrieħi.

Il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit qed tmexxi l-inkjesta u ħatriet numru ta’ esperti biex jassistu. Il-pulizija qed tkompli tinvestiga l-inċident.