Sport Sport Ieħor

Rambler 88 jikseb il-ħames Line Honours konsekuttiva tar-Rolex Middle Sea Race

(Ritratt: Rolex/Kurt Arrigo)

Il-Maxi Amerikan ta’ George David Rambler 88, kiseb il-Line Honours tar-Rolex Middle Sea Race għal rekord ħames sena konsekuttiva. B’Rambler li spiċċa t-tellieqa, għad hemm jottijiet jikkompetu li għadhom jaspiraw għar-rebħa overall, bir-riħ minn nofsinhar se jilgħab parti determinanti.

Il-wasla ta’ Rambler rat ċelebrazzjonijiet fir-Royal Malta Yacht Club. Ir-rebħa fissret ukoll li George David jirbaħ it-tellieqa fuq ħin korretta taħt is-sistema tal-IRC. Kif Rambler dar madwar il-majjistral tal-korsa, il-bqija tal-flotta kienet prattikament wieqfa. Kif Rambler dar ma’ Lampedusa, l-ebda monohull ma kien għadda minn ma’ Favignana. David ilu ma jirbaħ din it-tellieqa 12-il sena. Fl-2007, bil-jott preċedenti Rambler, David kien waqqaf rekord bir-rebħ tal-Line Honour u r-rebħa Overall.

Rambler għamlu l-korsa ta’ 606 mil nawtiku f’jumejn, 19-il siegħa u 43 minuta. L-ekwipaġġ kien magħmul minn George David, Brad Butterworth, Andrea Visintini, Rodney Ardern, Will McCarthy, Dean Phipps, Stuart Wilson, Mark Newbrook, Jan Dekker, Brian Giorgio, Scott Beavis, Simon Daubney, Peter van Niekerk, Joca Signorini, Curtis Blewett, Antonio Cuervas Mons, Jerry Kirby, Anthony Nossiter.

Il-bqija tal-flotta tinsab qrib Lampedusa u għal madwar nofs il-jottijiet li telqu is-Sibt li għadda mill-Port il-Kbir, is-sitwazzjoni fit-tramuntana ta’ Sqallija qed titjieb ftit ftit għalkemm ir-riħ għadu ħafif.

Bir-riħ mistenni li jżid fis-sigħat li ġejjin, dawk li qegħdin jersqu lejn in-nofsinhar tar-rotta, għadhom bi sfida iebsa iżda malli jduru ma’ Lampedusa u jaqbdu r-rotta lejn Malta, għandu jkollhom ġirja tajba lejn il-Port ta’ Marsamxett.

Sa issa 11-il dgħajsa Maltija għaddew minn ħdejn Stromboli. Lee Satariano u l-jott Artie III qegħdin fuq quddiem b’distakk ta’ 40 mil nawtiku fuq l-eqreb jott Malti. Artie mistenni jdur ma’ Lampedusa matul il-lejl. Bħalissa Artie jinsab it-tielet fil-klassi tiegħu u fit-tmien post overall fuq ħin korrett tal-IRC.