Ambjent Lokali

Rebħa storika għall-ġejjieni taż-żgħażagħ u t-tfal – PN

Il-Partit Nazzjonalista huwa kuntent immens li ftit tal-ħin ilu l-Parlament aċċetta u vvota favur il-proposta tiegħu biex tiġi ddikjarata emerġenza tal-klima. L-Oppożizzjoni ilha ġimgħa tirċievi kull forma ta’ insulti u tgħajjir mill-Gvern sempliċiment għax azzardat tipproponi dikjarazzjoni ta’ emerġenza tal-klima, u azzjoni konkreta warajha.

Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni sabet appoġġ bla preċedent mis-soċjetà ċivili, fosthom minn 31 għaqda taż-żgħażagħ li dalgħodu stess ħeġġew lill-Parlament japprova d-dikjarazzjoni tal-emerġenza. Il-PN jsellem b’mod partikolari l-irwol tal-KNŻ li llum wara nofsinhar kien strumentali sabiex ikkonvinċa lill-Ministru għall-Ambjent jemenda l-mozzjoni tal-Gvern u jintlaħaq kompromess bdejn iż-żewġ naħat.

Illejla ma rebaħx il-Partit Nazzjonalista. Rebħet is-soċjetà ċivili. Illejla ma tilef ħadd. Illejla rebaħ pajjiżna. Rebħet Malta. Illejla l-Kamra tar-Rappreżentanti vvutat sabiex tilqa’ l-mozzjoni tal-PN wara li kien il-katalist għall-bidla pożittiva għal Malta.

Illejla l-Gvern qabel illi tkun iddikjarata emerġenza tal-klima u li Kumitat Parlamentari tal-Ambjent jiġi mgħolli bir-responsabbilità li jibda jindirizza l-bidla fil-klima. Il-PN huwa kburi li llejla wera li għandu qalbu tħabbat favur il-ġid komuni.