Internazzjonali

Brexit: L-abbozz ta’ Boris Johnson jgħaddi mill-ewwel ostakolu u mhux mit-tieni

Id-deputati fil-House of Commons ta’ Londra ċaħdu l-proposta biex l-abbozz ta’ Brexit tal-Prim Ministru Boris Johnson jgħaddi mill-iskrutinju dovut f’perjodu ta’ tlett ijiem. Huma fissru dan iż-żmien bħala mhux biżżejjed għal evalwazzjoni xierqa.

Aktar qabel, l-abbozz ta’ Brexit kien għadda mill-ewwel vot fil-House of Commons fejn id-deputati parlamentari appoġġjaw il-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea bi 329 vot kontra 299.

L-abbozz għandu jwassal għall-konferma ta’ Brexit bħala liġi iżda, fit-tieni vot ta’ bil-lejl, id-deputati fil-House of Commons ivvutaw kontra l-iskeda taż-żmien disponibbli biex l-abbozz (dokument ta’ 110 paġna) jgħaddi mill-evalwazzjoni tal-Parlament

Qabel dan il-vot, Boris Johnson qal li hu lest biex iwarrab għal kollox l-abbozz dwar Brexit f’każ li d-deputati parlamentari jiċħdu għall-hekk-imsejjaħ ‘programme motion’ fil-Parlament u f’każ li l-Unjoni Ewropea tagħti estensjoni għad-deadline ta’ Brexit stabbilit fil-31 ta’ Ottubru.