It-tifel ta’ l5-il sena, residenti Marsaskala, li fl-ewwel ta’ Ottubru li għadda ġie akkużat bi tmien serqiet minn appartamenti u kien ngħata l-libertà proviżorja, ir-reġa’ għamilha. Għat-tielet darba, it-tifel tressaq il-Qorti fuq akkużi simili. Hu ammetta u ngħata sentenza sospiża.
Huwa ammetta wkoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti. It-tifel li ismu ma jistax jixxandar minħabba l-età tenera tiegħu kien inżamm fil-kustodja t-tieni darba li tressaq wara li l-Maġistrat Joe Mifsud kellu kliem iebes fil-konfront tiegħu fejn wissieh li hemm bżonn li jibqax għaddej f’din it-triq u li issa l-każ tiegħu se jispiċċa fil-Qorti tal-Minorenni.
Fil-fatt huwa l-ewwel intbagħat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u minn hemm tittieħed l-Imtaħleb fil-YOURS (Young Offenders Unit for Rehabilitaion Services). Il-Maġistrat Mifsud kien qallu biex hemm joqgħod jimmedita fl-arja tal-inħawi.
It-tieni darba li tressaq kien ġie mixli mill-Ispettur Eman Hayman li fl-10 ta’ Ottubru bejn is-6.30 am u l-11.00 am pprova jisraq minn blokka ta’ appartament fi Triq l-Iskal, Marsascala u minn residenza fi Triq iż-Żafran, ukoll f’Marsascala, b’kollox ipprova jisraq minn tliet residenzi.
L-ewwel darba it-tifel kien tressaq il-Qorti u ngħata l-libertà proviżorja mill-Maġistrat Audrey Demicoli. Fl-ewwel ta’ Ottubru kien tressaq il-Qorti mixli li wettaq diversi serqiet, fi flus kontanti kollha minn residenzi f’Marsascala, il-lokalità, liema serqiet allegatament seħħew matul ix-xhur ta’ Awwissu u Settembru li għadda.
Il-Maġistrat Audrey Demicoli kienet staqsiet lit-tifel jekk imurx l-iskola, u huwa wieġeb u ddikjara li ma jmurx u qal li “suppost kellhom jitfgħuni l-iskola tal-Ħamrun, iżda bagħtux għalija.”
Huwa kien ingħata l-liberta proviżorja fuq garanzija personali ta’ €2,000. Fit-tielet darba li reġa’ tressaq il-Qorti ġie mixli li seraq ‘scooter’ tal-elettriku u dan fid-19 ta’ Settembru li għadda u żewġ serqiet minn residenzi privati fis-sigħat bikrin tal-25 ta’ Settembru li għadda kif ukoll rota mekkaniżata jumejn wara.
It-tifel ammetta l-akkużi kollha kontrih quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri u ġie kundannat 15-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn. Din id-darba huwa tressaq mill-Ispetturi Mario Xiberras u Oriana Spiteri, liema Prosekuturi ħadmu fuq il-każ fejn mill-marki tas-swaba u filmati tas-CCTV ippruvaw li d-diversi serqiet u attentati ta’ serqiet fil-lokalità ta’ Marsascala kienu qegħdin isiru minn dan it-tifel.
//= $special ?>