Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li numru ta’ truppi Amerikani se jibqgħu jżommu preżenza fis-Sirja minkejja s-sejħa inizjali biex il-militar ta’ pajjiżu jirtira mit-territorji Sirjani. Skont Trump, numru żgħir ta’ suldati għandhom jipproteġu z-zoni għall-produzzjoni taż-żejt waqt li truppi Amerikani oħrajn se jkunu stazzjonati ‘viċin il-Ġordan u Iżrael’.
Id-deċiżjoni, ġimagħtejn ilu, ta’ Trump biex jirtira lill-qawwiet Amerikani mill-artijiet tal-fruntiera tas-Sirja mat-Turkija qanqlet mewġa ta’ kritika – anki min-naħa tas-sostenituri tal-President tal-Istati Uniti. Ftit wara d-dikjarazzjoni ta’ Trump, it-Turkija bagħtet il-militar tagħha fis-Sirja biex jikkonfronta lill-qawwiet Kurdi (alleati tal-Amerikani) fiz-zona viċin il-fruntiera.
Sadattant, Donald Trump għadu jiddefendi d-deċiżjoni biex jirtira s-suldati Amerikani mis-Sirja, fost l-akkużi li hu ‘ittradixxa’ lill-qawwiet immexxija mill-Kurdi li kienu sieħba importanti tal-Istati Uniti fil-battalji kontra t-terroristi tal-ISIS fl-inħawi Sirjani.
Trump qed jgħid li hu kien elett President ‘bil-għan li dawn is-suldati (Amerikani) jirritornaw id-dar’. Fl-istess ħin, Donald Trump sostna li ‘ma jarax għalfejn is-suldati Amerikani għandhom jispiċċaw fin-nofs ta’ ġlieda bejn żewġ avversarji kbar’.
Intant, il-President Trump qal li l-Istati Uniti kienet mitluba minn Iżrael u l-Ġordan biex tħalli ammont żgħir ta’ suldati ‘f’settur totalment differenti tas-Sirja’. Hu spjega wkoll li l-qawwiet Amerikani ‘huma meħtieġa għas-sigurtà taż-żejt f’parti oħra tal-pajjiż Għarbi’.
//= $special ?>