Lokali Qorti

Ultimatum ta’ 24 siegħa minn George Degiorgio biex jiġu esebiti r-rekords

George Degiorgio, wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ta 24 siegħa ċans lill-awtoritajiet sabiex fil-Qorti jesebixxu r-rekords tal-itteppjar tat-telefonati li wasslu għall-arrest tiegħu.

Permezz ta’ ittra ġudizzjarja tal-avukat tiegħu William Cuschieri, dalgħodu huwa ppreżenta talba b’urġenza. Fl-applikazzjoni hu jsemmi t-talbiet li diġà kien għamel fix-xhur li għaddew fosthom dik ta’’Awwissu li għadda quddiem il-Qorti Kriminali u l-Kawża Kostituzzjonali li ppreżenta fil-bidu ta’ dan ix-xahar.

“Minkejja t-talbiet kollha, għadna ma rajniex dawn it-traskrizzjonijiet ġuramenti u l-mandat li suppost awtorizzahom”, qal l-Avukat Cuschieri u skont l-akkużat dan huwa ksur tal-liġi.

L-Avukat Cuschieri qal li din se tkun ‘l-aħħar twissija’ u fin-nuqqas ta’ qbil Degiorgio se jkun qed jipproċedi kontra l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà.

Fost it-talbiet li għamel kienu lill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħal Qorti Kostituzzjonali biex is-smigħ li jmiss fil-każ, skedat għall-31 ta’ Ottubru li ġej jiġi sospiż, xi ħaġa li ġiet miċħuda.

George Degiorgio kien għamel din it-talba wara li kien fetaħ oħra qabel fuq ‘lill-legalità’ ta’ ‘tappings’ li saru fil-konfront tiegħu, għaliex dawn qatt ma nġiebu bħala prova.

Il-każ kien jgħid li l-Att dwar is-Servizzi ta’ Sigurtà, kien qed jinkiser b’mod sfaċċat, u li huwa evidenti li dak li kien se joħroġ fuq l-ittappjar ta’ telefonati kien se jkollu effet fil-proċeduri kriminali. Fl-aħħar ta’ Ottubru li ġej, il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, mistennija tikkunsidra diversi talbiet preliminari dwar il-każ, qabel ma jibda l-ġuri.