Futbol Sport

Zidane jammetti li mxekkel bl-ispekulazzjoni fuq il-futur tiegħu

(Ritratt: EPA)

Zinedine Zidane ammetta li l-ispekulazzjoni kostanti dwar il-futur tiegħu bħala kowċ ta’ Real Madrid, qed tfixkel il-preparazzjoni tiegħu għall-konfront diffiċli barra minn darhom kontra Galatasaray. Real Madrid ġejjin minn telfa sorpriża ta’ 1-0 kontra Real Mallorca, telfa li kienet l-ewwel waħda fil-kampjonat u wasslet biex Barcelona telgħu fil-quċċata tal-kampjonat Spanjol.

It-telfa ta’ 3-0 fl-ewwel logħba taċ-Champions League kontra Paris Saint-Germain ix-xahar l-ieħor u xi riżultati diżappuntanti f’La Liga kabbru l-ispekulazzjoni dwar il-futur ta’ Zidane. Il-Franċiż reġa’ kien jinsab taħt il-lenti wara d-draw ta’ 2-2 kontra Club Brugge f’darhom. Għalhekk il-logħba tal-lum fit-Turkija hi importanti biex issaħħaħ it-tama tal-Madrileni li jikkwalifikaw minn Grupp A, iżda wkoll biex tikkalma l-futur ta’ Zidane.

“Mhux se ngħid li mhux qed tinkwetani l-ispekulazzjoni, tinkwetani, imma dak li nista’ nagħmel hu li nagħti kollox u naħseb pożittivament,” qal Zidane, li bħala kowċ rebaħ tliet darbiet il-UEFA Champions League ma’ Real Madrid.

Hu żied li dak li ġara hu fil-passat u dak li jkun sar fil-futbol jiġi minsi malajr għaliex dak li jiġri fil-preżent li jgħodd. Real Madrid li huma 13-il darba rebbieħa tal-kompetizzjoni, jinsabu f’qiegħ Grupp A b’punt minn żewġ logħbiet. Telfa kontra Galatasaray tħalli t-tama tagħhom li jikkwalifikaw f’dubju kbir. Iżda Zidane jemmen li t-tim tiegħu jista’ jdawwar l-affarijiet. Hu kompla li kull logħba ma’ Real Madrid hi bħal finali u sostna li minħabba li ilu mal-klabb jaf li dejjem hu taħt pressjoni.

Il-captain ta’ Real Madrid Sergio Ramos qal li l-plejers qed jixbgħu bl-inċertezza wara l-pożizzjoni ta’ Zidane. Il-kowċ Franċiż irritorna mal-klabb f’Marzu li għadda, 10 xhur wara li rriżenja mill-kariga. Real Madrid għadhom mingħajr l-imweġġgħin Gareth Bale u Luka Modric iżda Toni Kroos irritorna fl-iskwadra.