L-aħħar grupp ta’ immigranti 27 b’kollox tressqu l-Qorti b’rabta mal-irvellijiet li seħħew fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far bejn nhar il-Ħadd u t-Tnejn li għadda biex għalhekk wara li nharf it-Tlieta tressqu 80, in-numru ta’ immigranti mressqa telgħu għal 107.
Is-27 raġel li tressqu l-Erbgħa filgħodu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella huma mis-Sudan, Chad, Somalia, Eritrea u Ivory Coast, bl-etajiet tagħhom ivarjaw minn 16 sa 55 sena.

Fl-awla numru tmienja tal-Qorti l-Ispettur Roderick Attard xela’ lill-immigranti li naqsu li jobdu l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li kisru l-paċi pubblika. Huwa spjega li l-Pulizija marru fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Ħal Far, it-Tnejn filgħodu u dawn sabu reżistenza mill-grupp.
L-Avukat Martha Mifsud, deheret għall-immigranti bħala avukat tal-għajnuna legali, li kollha wieġbu mhux ħatja ħlief wieħed li ammetta u bħall-oħrajn kollha li ammettew it-Tlieta, ġie kundanndat sitt ġimgħat ħabs.
L-immigrant li ammetta huwa Melik Muhammed Tumir ta’ 22 sena mis-Sudan. Is-26 immigrant li m’ammettewx inżammu taħt arrest preventiv fejn lanqas saret talba mid-difiża għal libertà proviżorja.
Dawn is-27 immigrant żdied mat-80 li tressqu l-Qorti t-Tlieta, b’rabta mal-irvellijiet u l-istraġi li wettqu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far bejn nhar il-Ħadd u nhar it-Tnejn li għadda. Għaldaqstant huma 17-il immigrant li ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom filwaqt li 90 wieġbu li ma kienux ħatja u nżammu arrestati.

Dawn tressqu fi erba’ gruppi, tliet gruppi nhar it-Tlieta u grupp ieħor l-Erbgħa. Kienu tmien immigranti li ġew akkużati bħala ‘ringleaders’ nhar it-Tlieta li ġew mixlijin li wettqu atti ta’ vjolenza waqt l-irvellijiet.
Dawn ġew akkużati li bi vjolenza irreżistew lill-Pulizija, li ferew ħafif uffiċjal, li għamlu parti minn grupp li l-għand tagħhom kien li qajjmu l-inkwiet, li pparteċipaw f’numru llegali, li ma tbiegħdux minn xulxin meta ngħataw l-ordni u li ftehmu flimkien biex iwettqu reat li huwa punibbli bil-ħabs.
Ġew mixlijin ukoll li taw in-nar, li wettqu ħsara volontarja, li ddisturbaw in-nies waqt il-ħin tal-lejl, li kisru l-paċi pubblika, li heddew numru ta’ uffiċjali pubbliċi, li waddbu l-ġebel u oġġetti iebsa. Ordni ta’ protezzjoni ntalbet favur it-tliet uffiċjali tal-Pulizija. Dawn it-tmienja jekk jinstabu ħatja jistgħu jiġu kundannati sa massimu ta’ aktar minn 10 snin ħabs.
