Budget 2020 Lokali

90,000 F’RISKJU TAL-FAQAR: “Mhux se mmeri n-numri” – il-Ministru Michael Falzon

Wara li ftit tal-jiem ilu pprova jgiddibna, il-Ministru Michael Falzon issa kien sfurzat jammetti li f’pajjiżna għandna eluf ta’ persuni f’riskju ta’ faqar.

Dan ġimgħa wara li statistika tal-Unjoni Ewropea wriet li f’Malta għandna 90,000 persuna f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.

Iffaċċjat bil-fatti, il-Ministru Falzon ma kellux għażla ħlief li jammetti dan il-falliment ta’ Gvern Laburista, li fil-programm elettorali tal-2013 kien wiegħed li jeradika fl-faqar. Din il-wegħda li bħal ħafna oħrajn issa nafu li kienet waħda fiergħa.

“Jekk nitkellmu fuq riskju tal-faqar, ovjament mhux se mmeri n-numri,” qalilna l-Ministru Falzon. Fakkarnieh kif fl-2013, Gvern Laburista sab kważi 30,000 persuna inqas f’riskju ta’ faqar mid-90,000 li għandna llum il-ġurnata.

Iżda waqt li 90,000 jinsabu f’riskju tal-faqar, il-Ministru nfexx fi spjegazzjoni teknika tat-tipi ta’ faqar li għandna f’Malta.

“Ejja ma ninsewx għax din wieħed irid jifimha u forsi naqa kkumplikata. Hawn 2 statistiċi fejn jidħol il-faqar, għandek dawk li huma f’riskju tal-faqar, jiġifieri m’humiex fil-faqar, dawk li huma materjalment deprivati u għandek is-severe material deprivation.”

Iżda ‘lil hinn mit-teknikalitajiet, l-istatistika turi li 90,000 ma jistgħux jgħixu ħajja komda kif jixtiequ. B’uħud minnhom lanqas jistgħu isaħħnu d-dar tagħhom fix-Xitwa, jew jieklu ikel san.

Dan biex ma nsemmux għexieren ta’ persuni li qed jispiċċaw jorqdu f’garaxxijiet jew karozzi – inkluż individwi li għandhom xogħol, imma ma jaffordjawx li jikru.