Sport Waterpolo

Botta u risposta bejn Neptunes u San Ġiljan fl-akkwisti tal-plejers barranin

(Ritratt: Martin Agius)

Botta u risposta bejn iċ-champions lokali Neptunes u r-rivali tagħhom San Ġiljan hekk kif ħabbru uffiċjalment iż-żewġ barranin tagħhom għas-sajf li ġej. Ftit ġimgħat ilu, Neptunes kienu ħabbru li Darko Brguljan ġie kkonfermat għal staġun ieħor u tħabbar ukoll li l-barrani l-ieħor se jkun Paulo Obradovic, plejer li s-sena l-oħra lagħab fis-sajf ma’ San Ġiljan.

Il-Ġiljaniżi fuq in-naħa l-oħra, ħabbru l-akkwist tal-veteran Christian Presciutti li f’pajjiżna lagħab ma’ Sirens u Sliema filwaqt li ngħaqad magħhom Petar Muslim li fl-aħħar sentejn għen lil Neptunes jirbħu ż-żewġ kampjonati.

Darko Brguljan

Brguljan li għandu 28 sena rebaħ il-fidda mat-tim nazzjonali tal-Montenegro fl-2013 fil-Kampjonat tad-Dinja li kien sar f’Barcelona, kif ukoll il-fidda fil-Kampjonat Ewropew tal-2016 li kien sar f’Belgrad. F’pajjiżna hu lagħab għall-ewwel darba fl-2012 fl-età ta’ 21 sena, dak iż-żmien ma’ San Ġiljan fi żmien li Karl Izzo kien kowċ. Hu kien skorja 11-il gowl fit-tliet partiti li lagħab.

Is-sena l-oħra, Brguljan lagħab fl-Ewwel Diviżjoni ma’ Birżebbuġa. Hu kien strumentali biex Birżebbuġa ddominaw l-ewwel parti tal-kampjonat fejn skorja 17-il gowl fl-erba’ logħbiet tal-ewwel rawnd u sitt gowls oħra fin-knock-out. F’dan is-sajf ma’ Neptunes, Brguljan skorja 63 gowl f’20 logħba u rebaħ it-Tazza tal-President, in-knock-out u l-kampjonat.

Paulo Obradovic

Obradovic li għandu 33 sena hu magħruf għax-xutt b’saħħtu li għandu u fil-preżent jilgħab mat-tim Kroat. Obradovic bħalissa qed jilgħab ma’ VK Jug fil-Kroazja u rebaħ diversi unuri fil-karriera tiegħu, fosthom il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi tal-Londra ħames snin ilu. Ma’ San Ġiljan hu skorja 39 gowl f’16-il logħba tal-kampjonat u fis-sajf tas-sena l-oħra rebaħ it-Tazza tal-President u n-knock-out.

Petar Muslim

Muslim għandu 31 sena u bħalissa jilgħab fil-Ġermanja ma’ WASPO 98 Hannover. Fil-karriera tiegħu rebaħ diversi unuri mat-tim nazzjonali tal-Kroazja. Hu kien parti mit-tim Kroat li rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012. Hu rebaħ ukoll il-fidda fil-Kampjonat tad-Dinja fl-2015 f’Kazan, il-bronż fl-2011 f’Shanghai u fl-2013 f’Barcelona u l-Kampjonat Ewropew fl-2010 f’Zagreb.

Fl-aħħar żewġ kampjonati tas-sajf lagħab ma’ Neptunes. Is-sena l-oħra hu rnexxielu jiskorja 43 gowl fi 18-il logħba fil-kampjonat fejn kien pedina importanti hekk kif lagħab kemm fis-centre kif ukoll fuq in-naħa leminija. F’dan is-sajf bl-introduzzjoni aktar ta’ Nikolai Zammit fuq il-lemin, Muslim kellu rwol fti differenti u temm l-istaġun sajfi bi 42 gowl minn 20 logħba.

Christian Presciutti

Presciutti għandu 36 sena u kien parti mit-tim Taljan li rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja tal-2011 f’Shanghai. Hu lagħab fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012 fejn l-Italja temmew it-tieni u rebaħ il-midalja tal-bronż fl-aħħar Olimpjadi. Presciutti lagħab għall-ewwel darba f’pajjiżna fl-2014 u bi 52 gowl skorjat fl-14-il logħba tal-kampjonat, spiċċa bħala l-aqwa skorer. Sena wara, Presciutti reġa’ lagħab f’pajjiżna u din id-darba spiċċa t-tielet fil-lista tal-aqwa skorers bi 43 gowl, kif ukoll erba’ gowls fin-knock-out.

It-Taljan ma lagħbx f’pajjiżna fl-2016 minħabba l-impenji tiegħu mat-tim nazzjonali tal-Italja fl-Olimpjadi ta’ Rio, iżda fil-kampjonat tas-sajf tal-2017 reġa’ lagħab ma’ Sirens. Presciutti kien l-aqwa skorer tat-tim b’39 gowl u kien strumentali biex Sirens temmew it-tielet fil-kampjonat għall-ewwel darba mill-2008. Is-sena l-oħra, hu lagħab ma’ Sliema fejn spiċċa l-kampjonat tas-sajf b’36 gowl minn 13-il logħba. Għalkemm ma kellux staġun negattiv, Presciutti ma nżammx minn Sliema u kien liberu biex f’dan is-sajf reġa’ lagħab ma’ Sirens u skorja 56 gowl fi 17-il logħba.