Internazzjonali

BREXIT: Johnson se jsejjaħ elezzjoni jekk l-UE toffri estenzjoni

Il-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson se jkun qed isejjaħ elezzjoni ġenerali jekk Brexit jiġi estiż sa Jannar li ġej.

Il-Membri Parlamentari lbieraħ vvuttaw kontra pjan intiż dwar abbozz ġdid dwar Brexit.

Issa kollox jinsab f’idejn il-mexxejja Ewropej li jaraw japprovawx estenzjoni tad-deadline ta’ Brexit li suppost għandu jsir fi tmiem Ottubru.

“Il-Parlament [Brittaniku] jinsab imkisser” – Boris Johnson

It-Tlieta d-deputati fil-House of Commons ta’ Londra ċaħdu l-proposta biex l-abbozz ta’ Brexit ta’ Boris Johnson jgħaddi mill-iskrutinju dovut f’perjodu ta’ tlett ijiem. Huma fissru dan iż-żmien bħala mhux biżżejjed għal evalwazzjoni xierqa.

Aktar qabel, l-abbozz ta’ Brexit kien għadda mill-ewwel vot fil-House of Commons fejn id-deputati parlamentari appoġġjaw il-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea bi 329 vot kontra 299.

L-abbozz kellu jwassal għall-konferma ta’ Brexit bħala liġi iżda, fit-tieni vot, id-deputati fil-House of Commons ivvutaw kontra l-iskeda taż-żmien disponibbli biex l-abbozz (dokument ta’ 110 paġna) jgħaddi mill-evalwazzjoni tal-Parlament.

Bis-sitwazzjoni kif inhi, Johnson qal li l-Parlament jinsab “imkisser”, u jekk l-Unjoni Ewropea toffri estenzjoni tad-deadline għal Brexit mela hu se jkun qed isejjaħ elezzjoni ġenerali.

Ikkummenta