Lokali Sport

“Għandna nemmnu dejjem aktar fl-abbiltajiet tagħna l-Maltin”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ltaqa’ mal-uffiċjali u l-players tat-timijiet tas-Subbateo Valletta Lions Table Football Club u Attard Subboteo Club waqt laqgħa li saret fil-Kamra tal-Oppożizzjoni fil-Parlament. Adrian Delia awgura lill- membri kollha tat-timijiet li fil-jiem li ġejjin ser jingħaqdu ma’ 32 klabb Ewropew f’kompetizzjoni Ewropea tas-Subbateo f’Lisbona organizzata mill-FISTF (Federation International Sports Table Football).

Adrian Delia qal li ċ-ċokon ta’ pajjiżna m’għandu qatt ikun ta’ xkiel sabiex nimmiraw li niksbu l-aqwa riżultati possibbli. Saħaq illi huwa importanti lil nwarrbu l-mentalità fejn nqisu lil timijiet barranin bħala superjuri iżda nemmnu dejjem aktar fl-abbiltajiet tagħna l-Maltin. Fakkar li l-kunċett tal-isport huwa wieħed importanti li jgħallem għadd ta’ valuri essenzjali li kull min jipprattikah. Tkellem ukoll dwar l-importanza li ninvestu fil-faċilitajiet sportivi tal-pajjiż u li ma nwarrbu l-ebda sport, anzi jkun hemm impenn sabiex jikber dejjem aktar l-għarfien dwar t-tipi differenti ta’ sport li jeżistu.

Min naħa tagħhom, iż-żewġ klabbs qalu li sabiex jkattru l-popolarità ta’ dan l-isport, dejjem investew fit-tfal u fiż-żgħażagħ. Filwaqt li ilmentaw fuq in-nuqqas ta’ spazju fejn jilagħbu s-Subbateo, esprimew l-gratitudni tagħhom lejn il-Partit Nazzjonalista li saħansitra organizza tournament tas-Subbateo bħala parti mill-festi tal-Indipendenza.

Valletta Lions kisbu l-aħjar post sena ilu meta kklassifikaw fl-10 post fil-FISTF Europa League u t-timijiet Maltin kemm-il darba kwalifikaw għal din il-kompetizzjoni

B’kollox il-kontingent Malti taz-zewg timijiet jinkludi 12-il player Valletta Lions twaqqfu fl-2013 u Attard Subboteo Club twaqqaf fl-1987 bħala Misraħ Kola Subboteo Club li eventwalment ingħata l-isem li għandu llum.

Matul din il-laqgħa mat-timijiet tas-Subbateo Valletta Lions Table Football Club u Attard Subboteo Club, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus.