Internazzjonali

Hong Kong: Jirtiraw l-abbozz li kaġuna xhur ta’ protesti

Il-leġislatura f’Hong Kong irtirat, formalment, l-abbozz kontroversjali dwar l-estradizzjoni li wassal għal xhur ta’ inkwiet u dimostrazzjonijiet vjolenti f’dan it-territorju li jgawdi livell ta’ awtonomija miċ-Ċina.

L-abbozz – li kellu jippermetti biex persuni suspettati bħala kriminali jkunu estraditi minn Hong Kong lejn iċ-Ċina – qajjem għadab sħiħ fost ir-residenti ta’ Hong Kong meta kien introdott f’April. Mijiet ta’ eluf ta’ nies ħarġu jipprotestaw fit-toroq, bl-abbozz, eventwalment, jispiċċa sospiż u bid-dimostranti jkomplu bil-protesti bħala parti minn moviment akbar favur id-demokrazija.

Il-kritiċi tal-liġi pjanata kienu qed jinkwetaw li r-residenti estraditi lejn iċ-Ċina setgħu jkunu suġġetti għal arrest arbitarju u proċessi tal-qorti mhumiex xierqa għaċ-ċirkustanzi tagħhom. Il-kriżi tal-aħħar xhur kienet l-akbar waħda mindu Hong Kong, eks-kolonja Britannika, għaddiet mill-ġdid taħt is-sovranità taċ-Ċina fl-1997. Fl-istess ħin, l-inkwiet fit-toroq ippreżenta sfida mill-akbar għall-mexxejja komunisti f’Beijing.

Id-dimostranti f’Hong Kong għadhom jinsistu għal amnestija lil sħabhom arrestati u biex l-awtoritajiet ma jirreferux għall-protesti bħala ‘irvell’. Huma talbu wkoll inkjesta indipendenti dwar allegata brutalità mill-pulizija, iżda l-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong, Carrie Lam, qed tgħid li d-domandi tad-dimostranti huma ‘’il hinn mill-kontroll tagħha’.

Il-gazzetta Financial Times irrappurtat li l-Gvern Ċiniż qed iħejji pjani biex Carrie Lam titwarrab mill-kariga, minkejja li hi, fl-aħħar xhur, dejjem kellha l-appoġġ ta’ Beijing.

Carrie Lam hi ‘simbolu ta’ mibgħeda’ għad-dimostranti f’Hong Kong u jekk il-President Ċiniż, Xi Jinping, japprova l-pjan biex hi titneħħa minn Kap Eżekuttiv, postha jittieħed minn uffiċjal għoli, għal żmien proviżorju, u ladarba tirritorna l-kalma f’Hong Kong.