Internazzjonali

Iċ-Ċili: Il-President joffri r-riformi biex jieqfu l-protesti

Il-President taċ-Ċili, Sebastian Pinera, ħabbar numru ta’ riformi bil-ħsieb li jieqfu l-protesti vjolenti li ilhom għaddejjin għal jiem konsekuttivi. Hu qed iwiegħed biex iżid il-pensjoni bażika b’20 fil-mija filwaqt li propona liġi biex l-Istat jagħmel tajjeb għall-ispejjeż kbar li jinvolvi ċertu trattament mediku.

Il-protesti popolari taċ-ċittadini f’Santiago u bnadi oħra taċ-Ċili kienu bdew fost ir-rabja dwar żieda fin-nolijiet tal-metro. Intant, id-dimostrazzjonijiet żviluppaw ‘f’moviment ferm akbar’, bl-eluf joħorġu fit-toroq biex jesprimu għadab dwar l-awsterità u l-inugwaljanzi fil-pajjiż.

L-inkwiet sewa l-ħajja ta’ ‘il fuq minn ħmistax, b’aktar minn 5,000 jispiċċaw arrestati.

Intant, il-President Pinera, waqt diskors  mill-palazz presidenzjali f’Santiago, qal li hu ‘irċieva messaġġ ċar mingħand iċ-Ċileni’ u qed jittama li jibdel is-sitwazzjoni ‘f’opportunità għaċ-Ċili biex tpatti għaż-żmien mitluf waqt li tieħu passi urġenti u konkreti fl-aħjar interess tal-poplu’.

Pinera anki beħsiebu jżid il-paga minima filwaqt li jintroduċi skala ġdida ( u ogħla) tat-taxxa, fost tnaqqis fir-rati tal-elettriku — dejjem skont il-pjan stabbilit għal riforma.