Budget 2020 Lokali

Il-PM ma weġibx mistoqsija waħda dwar il-Budget

Dikjarazzjoni ċara mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia b’reazjoni għal dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat fis-suppost tweġiba tiegħu lejn id-diskors ta’ Adrian Delia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-budget ta l-ewwel ħjiel ċar ta’ Gvern li tilef kull sens ta’ bilanċ filwaqt li d-diskors ta’ Joseph Msucat kkonfermah għal kollox.

Adrian Delia qal li l-Prim Ministru ma weġibx mistoqsija waħda mill-mistoqsijiet li saqsiet l-Oppożizzjoni dwar ir-rewwixta li qamet fl-aħħar jiem f’Ħal Far fejn il-poplu Malti nkwetat kien ilbieraħ u hekk baqa’ illum… dan apparti li ma weġibx għall-ebda mistoqsija li għamlet l-Oppożizzjoni dwar il-budget.

Fost ħafna suġġetti li reġa’ indirizza l-Kap tal-Oppożizzjoni, qal, li Joseph Muscat naqas milli jfemna x’sar mill-investiment ta’ Stewart Healthcare fl-isptarijiet ta’ Malta.

Mistoqsi mill-ġurnalisti ta’ Net News rigward dikjarazzjoni ċara li għamel il-Partit Laburista fil-manifest elettorali tiegħu lura fl-2013, li jeradika għal kollox il-faqar… fid-dawl li mhux talli m’għamilx hekk talli minn madwar 88,000 fir-riskju ta’ faqar dak iż-żmien, illum dak in-numru żdied, Adrian Delia wieġeb hekk.

Adrian Delia temm jgħid li l-budget tal-Gvern injora fost oħrajn lill-middle class li mhux qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u ż-żidiet kontinwi fil-prezzijiet u lill-għalliema u l-edukaturi li qed iħossuhom imwarrbin u  demoralizzati, lill-anzjani li se jibqgħu jitħabtu sabiex jaslu sal-aħħar tax-xahar u lis-self employed.

Għall-kuntrarju, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhux biss qed tiddentifika l-isfidi imma qegħda toħroġ ukoll bi proposti għall-ġid tal-poplu Malti.

Il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għal pajjiżna fejn it-tkabbir ekonomiku, fejn kulħadd ikollu serħan il-moħħ għal għixien diċenti, fejn kulħadd ikollu saqaf fuq rasu, fejn jgħodd x’taf u mhux lil min taf, fejn il-ġid li jinħoloq verament jasal għand kulħadd u fejn kulħadd ihossu kburi li huwa Malti, temm jgħid Adrian Delia.