Kais Saied, professur tal-liġi rtirat, ingħata l-ġurament bħala President ġdid tat-Tuneżija wara li hu kiseb rebħa kbira fl-elezzjoni ta’ dan ix-xahar għall-Presidenza.
Ir-rebħa ta’ Saied titqies bħala daqqa ta’ ħarta lill-elit li kien qed imexxi lit-Tuneżija u li hu akkużat b’li naqas milli jtejjeb il-livelli tal-għajxien jew itemm il-korruzzjoni fis-snin ta’ wara r-rewwixta storika tal-2011 li wasslet għad-demokrazija f’dan il-pajjiż (wara tmexxija awtoritarja fit-tul).
Minkejja l-mandat konvinċenti, il-President Saied se jkollu anqas kontroll dirett fuq il-politika mill-Prim Ministru tat-Tuneżija. Huma t-tnejn, intant, iridu jiffaċċjaw malajr sensiela ta’ sfidi diffiċli li jinkludu rati tal-qgħad għolja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
F’diskors li għamel, Saied qal li l-Presidenza tiegħu mhi se tittollera l-ebda sitwazzjoni fejn jinħela flus il-poplu. Dan waqt li hu impenja ruħu biex jipproteġi l-libertà taċ-ċittadin u meta għandu wkoll viżjoni ta’ ‘rwol akbar għall-Istat’ fis-settur ekonomiku.
Il-President tat-Tuneżija jikkontrolla l-politika tad-difiża u għall-affarijiet barranin. Dan waqt li hu jiggverna l-pajjiż flimkien ma’ Prim Ministru li jintgħażel mill-Parlament u li għandu l-awtorità fuq l-affarijiet domestiċi.
It-Tuneżija għandha leġislatura fragmentata, fejn l-akbar partit – l-Ennahda, li hi entità Iżlamika moderata – tikkontrolla 52 siġġu biss minn fost il-219 fl-assemblea ta’ Tunis.
//= $special ?>