Lokali Qorti

Ittra uffiċjali fil-Qorti mill-eks xufier u uffiċjal tas-sigurtà ta’ Mintoff talli mhux se jingħata midalja għall-qadi ta’ dmirijietu

Uffiċjal tal-Pulizija li għamel snin twal jaħdem bħala xufier u uffiċjal tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff ippreżenta ittra uffiċjali fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fuq deċiżjoni li mhux se jingħata midalja għall-qadi ta’ dmirijietu mill-Korp tal-Pulizija, u dan bħala rikonoxximent tas-servizz li huwa ta.

Robert Mercieca, miż-Żurrieq, ippreżenta l-ittra fil-Qorti kontra l-Kummissarju tal-Pulizija fejn talbu biex jikkonsidra deċiżjoni li ma jingħatax midalja għas-servizz tiegħu f’ċerimonja li se ssir nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Ottubru.

Din il-midalja tingħata lill-uffiċjali tal-Pulizija li jkunu taw 18-il sena ta’ servizz lill-Korp tal-Pulizija. Midalja oħra ta’ valur aktar għoli tingħata lil dawk li jkunu taw 25 sena servizz. Biex wieħed ikun eliġibbli għal tali midalja, l-uffiċjal irid ikollu kondotta nadifa tal-Pulizija.

Fl-ittra li ppreċenta, l-Kuntistabbli Mercieca spjega li huwa għamel snin twal jaħdem mal-eks Prim Ministru Dom Mintoff u li ħadem miegħu kemm bħala uffiċjal tas-sigurtà kif ukoll bħala xufier. Mintoff kien miet fl-20 ta’ Awwissu tal-2012 fl-età ta’ 96 sena. Mercieca għadu jaħdem bħala Kuntistabbli tal-Pulizija sal-lum il-ġurnata.

Fl-2014, Mercieca kien instab ħati li saq karozza b’manjiera perikoluża u li bil-mera kien laqat persuna li kienet qed issuq ir-rota u dan bil-karozza ta’ Mintoff.

L-inċident kien seħħ snin qabel iżda l-ordni ta’ probation kienet baqgħet fis-seħħ fir-rekords tal-Pulizija fil-konfront ta’ Mercieca, u li din serviet bħala bażi biex il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jiddeċiedi li ma jagħtihx il-midalja.

Fl-ittra ġudizzjarja tiegħu, Mercieca talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jikkunsidra d-deċiżjoni li ħa, qabel iċ-ċerimonja ta’ nhar il-Ġimgħa, u dan b’mod speċjali invista tal-fatt li huwa dejjem ta servizz impekabbli lill-Korp tal-Pulizija.

Huwa wissa wkoll lill-Kummissarju li fin-nuqqas li huwa jingħata dan l-unur, kien se jieħu azzjoni legali ulterjuri. L-Avukat Michael Tanti Dougall iffirma l-ittra ġudizzjarja.