Sport Sport Ieħor

Jasal l-ewwel jott Malti Artie III … Rambler jitlef postu fil-quċċata

(Ritratt: Rolex/Kurt Arrigo)

Il-ħames ġurnata tal-40 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race kienet mimlija attività minħabba li l-jottijiet bdew jaslu fir-Royal Malta Yacht Club. Iż-żieda fir-riħ lejn il-punent ta’ Sqallija kompla jħalli effett fuq ir-riżultati u l-kisba tal-ewwel post overall.

Il-wasla ta’ Black Pearl kmieni filgħodu fissret li Rambler tilef postu mill-quċċata. Bħalissa l-ClubSwan 42, Be Wild jinsab fuq quddiem, iżda r-riżultat jista’ jinbidel minħabba li għad hemm numru ta’ jottijiet li għadhom itellqu. Volvo 70 Wizard li huma r-rebbieħa tar-Rolex Fastnet, kien it-tieni jott li spiċċa t-tellieqa iżda qatt ma kien ikkunsidrat għar-rebħa minħabba bidu xejn impressjonanti.

Lejn nofsinhar waslet l-ewwel Cookson 50 ta’ Franco Niggeler bl-isem Kuka 3. Madwar nofs siegħa wara daħal Riff Raff segwit minn PrimaVista-Lauria misjuq minn Gabriele Bruni, kaptan li mhux biss ħa sehem fl-Olimpjadi iżda wkoll champion tad-dinja tal-Klassi 49er. Miegħu kien hemm atleta Olimpiku ieħor Pietro D’Ali.

Wara nofsinhar daħal l-ewwel jott Malti li hu Artie III misjuq minn Lee Satariano u Christian Ripard. Għad irid ikun deċiż liema se jkun il-jott Malti li jirbaħ il-handicap. Il-familja Podesta, b’Elusive 2 jinsabu qrib Malta u warajhom hemm Timmy Camilleri u Richard Schultheis fuq Xp-Act li qed ikomplu l-battalja ma’ Xpresso ta’ Sean Borg. Comanche Raider III jinsab fuq it-tappa minn Lampedusa segwiti minn Jonathan Gambin fuq Ton Ton Laferla Insurance u Jamie Sammut fuq Unica.