Lokali Qorti

Konfermata sentenza dwar attentat ta’ qtil fuq martu minn eks Pulizija li aġixxa taħt passjoni u aġitazzjoni mentali

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħalfin Joseph Zammit McKeon u Giovanni Grixti ikkonfermat sentenza minn ġuri li kien sar f’Marzu tal-2016 fejn l-eks Kuntistabbli Carmel Cutajar mir-Rabat kien instab ħati li seba’ snin ilu spara lill-mara tiegħu f’każ ta’ attentat ta’ qtil.

Il-Qorti qalet li ma seħħet l-ebda rregolarità gravi li biha setgħet ingħatat direzzjoni ħażina lill-ġurati biex waslu għall-verdett li waslu għalih. Kien għalhekk li l-appell ġie miċħud. Sadanittant sakemm inqata’ l-appell dan kien skonta s-sentenza.

L-eks Kuntistabbli li llum għandu 54 sena kien instab ħati b’sitt voti kontra tlieta ta’ attentat ta’ qtil li kien seħħ fis-26 ta’ Settembru ta’ l-2012, u dan wara li Cutajar kien spara lill-mara tiegħu Maria fejn kien laqatha viċin qalbha wara li din ma riditx tirritorna d-dar miegħu. Wara li kien spara lil martu, Cutajar kien spara ukoll lilu nnifsu f’sidru.

L-isparatura kienet seħħet barra ħanut tax-xorb li jinsab fin-niżla tas-saqqajja r-Rabat. Il-ġurati kienu ddeċiedew ukoll li l-akkużat aġixxa taħt passjoni u aġitazzjoni mentali, tant li ma setax jirrealizza l-konsegwenzi wara dak li għamel u kien ġie kundannat seba’ snin u nofs ħabs.

L-Avukat Ġenerali kien appella mill-verdett tal-ġurati fejn talabha biex tħassar dik il-parti tal-verdett li permezz tagħha kien ġie dikjarat li Cutajar kien taħt l-influwenza mmedjata u ta’ passjoni stantanja jew aġitazzjoni tal-moħħ u għalhekk jinstab ħati mingħajr ebda skuża.

Il-ġuri kien instema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima bil-Prosekuzzjoni tgħid fl-appell tagħha li ftit qabel ma seħħ id-delitt Cutajar kien ipparkja l-karozza tiegħu u wara li ħareġ minnha u bil-kalma tkellem ma’ martu fuq i-taraġ tas-saqqajja u għalhekk hi tal-fehma li ma kien hemm ebda aġitazzjoni tal-moħħ.

Prova skont l-Avukat Ġenerali hija l-istqarrija li kien ta Cutajar fejn qal li tliet xhur qabel ma seħħ il-każ, u anke ftit qabel, wara żwieġ ta’ 21 sena, meta martu telqet mid-dar konjugali ħesrem, u skont hu bit-tfal b’kollox.

Dak inhar tal-inċident kien qiegħed għand oħtu Ħad-Dingli u ħareġ mingħandha, u mar id-dar tiegħu r-Rabat u ġabar l-arma u minn hemm ‘l quddiem ra dalma u ma jafx x’ġara. Miostoqsi diversi drabi u għal ħin twil għaliex għamel hekk, huwa qal li kull ma jiftakar li spara fid-direzzjoni ta’ martu u wieħed fuqu kif saq għall-Għassa tar-Rabat, ħlief meta qala’ l-balla b’idejh beda ħiereġ ħafna demm,

Mill-bqija kull ma jiftakar hija dalma kbira u xejn aktar. Matul l-istqarrija kien iddikkjara kemm il-darba li kien għadu jħobb lil martu u li lanqas qatt ma kellu l-ħsieb li jgħamlilha hekk.

Il-Qorti tal-Appell fid-deċiżjoni tagħha qalet li dan kollu, u fatti oħra, kienu fdat f’idejn il-ġudizzju tal-ġurati, anke permezz tal-indirizz tal-Imħallef qabel ma’ daħlu jiddeliberaw. Dan ukoll jinkludi l-iskużanti li hemm fil-liġi dwar delitt fis-saħna tad-demm.

L-Imħallef spjegat ukoll lill-ġurati li din l-iskużanti mhux applikabbli f’każ li persuna tkun diġa għamlet il-ħsieb li toqtol jew li tagħmel xi ħsara gravi. Kollox jindika li l-ġurati kienu konvinti li wara li Cutajar telaq mingħand oħtu, kien qiegħed fi stat ta’ aġitazzjoni tal-moħħ sal-ħin li ta ruħu b’idejh fl-Għassa tal-Pulizija, u li l-aġitazzjoni ma seħħitx waqt li kien qed ikellem lil martu.

Fil-Qorti l-Avukat Difensur Edward Gatt li flimkien mal-Avukat Mark Vassallo iddefenda lil Cutajar kien irrimarka l-fatt li dan kien l-ewwel reat kriminali li wettaq u li hu diġà kien ikkastigat meta kien isseparat minn uliedu.