Internazzjonali

L-offensiva fis-Sirja: Trump jordna t-tneħħija tas-sanzjonijiet għat-Turkija

L-Istati Uniti qed tneħħi s-sanzjonijiet li imponiet fuq it-Turkija b’konnessjoni mal-offensiva tal-Armata Torka kontra l-ġellieda Kurdi fl-artijiet lejn il-grigal tas-Sirja.

Il-President Amerikan, Donald Trump, ikkonferma t-tneħħija tas-sanzjonijiet wara li t-Turkija u r-Russja qablu biex jestendu ftehim għal waqfien mill-ġlied tul il-fruntiera Sirjana. Dan fost l-istazzjonar tas-suldati tar-Russja f’dik iz-zona tas-Sirja.

It-Turkija bdiet l-offensiva militari wara li Trump, kmieni dan ix-xahar, iddeċieda biex jirtira s-suldati Amerikani mit-Tramuntana tas-Sirja.

Intant, Trump qal, issa, li s-sanzjonijiet għat-Turkija se jitneħħew ‘dment li ma ssirx xi ħaġa li ma togħġobx lil Washington’. Hu komplali t-Turkija aċċertatu li se twaqqaf il-ġlied fir-reġjun u li se tagħmel il-parti tagħha biex l-aħħar ftehim għall-waqfien mill-ġlied ikun reinfurzat fuq bażi permanenti.