Lokali

‘Mid-dinja tal-fantasija’

Għal kull min iħobb iċ-ċikkulata, is-Sibt filgħaxija l-Ħamrun se jkun il-post ideali hekk kif se tkun organizzata l-ħdax-il edizzjoni tal-Festival taċ-Ċikkulata mill-Kunsill Lokali ta’ din il-lokalità. B’attendenza ta’ iktar minn 20 elf ruħ, dan il-festival huwa uniku fejn joffri lil dawk li jżuruh opportunità speċjali biex igawdu prodotti taċ-ċikkulta varji.

L-għażla li ssir il-Ħamrun m’hijiex b’kumbinazzjoni. Ir-rabta taċ-ċikkulata mal-Ħamrun tmur lura għaż-żmien tal-Kavallieri taħt il-ħakma tal-Gran Mastru Perellos, meta ż-żerriegħa tal-kakaw kienet tiġi maħżuna proprju fin-naħa magħrufa bħala tas-Samra.

Waqt konferenza tal-Aħbarijiet, is-sindku Christian Sammut sostna li għal sena oħra saret ħidma sabiex dan il-festival jikber u jkompli jingħata atmosfera sabiħa b’ideat ferm innovattivi u b’attrazzjonijiet uniċi.

Min se jżur dan il-festival se jkun jista’ jduq u jixtri mill-istands armati mimlija b’għażla ta’ diversi prodotti magħmulin miċ-ċikkulata, kif ukoll maatul it-toroq se jkun hemm diversi attrazzjonijiet magħmula miċ-ċikkulata.

Din is-sena se jkun hemm parteċipazzjoni ta’ tliet artisti taċ-ċikkulta ta’ fama mondjali, wieħed minn Orlando, mir-Renju Unit u ieħor minn Malta.

Bħal kull sena dan il-festival se jkun il-festival tad-dnubiet ħelwin… bit-togħmiet sensazzjonali li se joffru dawk armati bi stands ta’ ħelu u ikel bbażat dejjem fuq iċ-ċikkulata.