Lokali Parlament

Mitlub ruling dwar allegazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi

L-Oppożizzjoni talbet ruling mis-Sedja dwar allegazzjoni li għamel il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Mariod de Marco fis-seduta tal-parlament tal-lejla l-Erbgħa.

It-talba għal ruling saret mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar wara li l-Oppożizzjoni nsistiet li l-Ministru tal-Finanzi jirtira l-allegazzjoni ta’ konflitt ta’ interess fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Mario de Marco.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru tal-Finanzi allega li waqt informali li kellu, x-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni kien telaq minn din il-laqgħa biex imur jiddefendi persuna akkużat b’ħasil ta’ flus. Il-Ministru tal-Finanzi qal li dan jammonta għal konflitt ta’ interess.

F’intervent d-deputat Mario de Marco ċaħad l-allegazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi, iddikjara li hu ma jaħdimx fil-Qorti tal-Kriminal u qal li l-Ministru tal-Finanzi kellu jirtira din l-allegazzoni jew jissontanzaha.

Il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri qal li l-Ministru tal-Finanzi kien qed jeprimi opinjoni dwar ir-rwol tad-deputati fil-parlament u l-ħidma professjonali tagħhom.

Mario de Marco insista li l-allegazzjoni ta’ konflitt ta’ interess kellha tiġi irtirata.

Il-Ministru tal-Finanzi qal li hu ma kien qed jallega l-ebda intenzjoni ħażina jew nuqqas min-naħa tad-deputat Nazzjonalista.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar insista li l-allegazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi kellha tkun irtirata u għalhekk kien qed jitlob ruling mill-Ispeaker dwar dak li allega l-Ministru tal-Finanzi.