Sport Sport Ieħor

Qormi Daikin jibdew id-difiża taċ-Challenge Cup b’rebħa konvinċenti

(Ritratt: Andrea Curmi)

Qormi Daikin bdew jiddefendu ċ-Challenge Cup b’rebħa konvinċenti ta’ 7-1 kontra Rabat. Dan ir-riżultat jiggarantixxi post fis-semifinali għal Qormi iżda wkoll għal White Hart, bil-logħba ta’ bejniethom il-Ħadd li ġej tiddeċiedi min jispiċċa fl-ewwel u t-tieni post f’Grupp A.

Għar-Rabtin, il-logħba kellha l-istess andament tal-logħba kontra White Hart. Fl-ewwel taqsima huma żammew mal-avversarji tagħhom imma hekk kif dawn bdew jagħmlu użu tajjeb bil-bank tas-sostituti, Rabat ma kellhomx risposta u kienu kkastigati fit-tieni taqsima.

Keith Bajada poġġa lil Qormi fil-vantaġġ wara kwarta, b’Ayrton Falzon jirdoppja l-iskor sakemm penalty stroke ta’ Shane Hewgill Lovett naqqas id-distakk. It-tieni taqsima kienet storja oħra hekk kif waslu ħames gowls mingħajr risposta. Keith Bajada skorja t-tieni gowl personali, b’ħuh Luke Bajada jiskorja doppjetta. Juan Sarcia u Steve Tanti komplew ikabbru l-iskor għal 7-1. L-umpires tal-logħba kienu Glen Bonelllo u Edward Hughes.

Logħob li jmiss

Challenge Cup

Il-Ħadd: Floriana Young Stars v Sliema Hotsticks 9.00am, Qormi Daikin v White Hart 11.00am