Inter kisbu rebħa importanti meta fi Stadio Giuseppe Meazza għelbu lil Borussia Dortmund 2-0 biex laħquhom fil-klassifika. It-tim ta’ Antonio Conte skorja gowl f’kull taqsima, l-ewwel permezz ta’ LAUTARO MARTINEZ li kkontrolla b’sidru u għeleb lil Roman Buerki mill-viċin. L-istess Martinez kellu penalty salvat fit-82 minuta iżda ANTONIO CANDREVA għalaq il-logħba fid-89 minuta b’xutt b’saħħtu wara kontrattakk.
Rebħa fondamentali wkoll għal Chelsea li għelbu lil Ajax f’Amsterdam 1-0. Wara li Ajax kellhom gowl ta’ Quincy Promes imħassar bil-VAR fil-35 minuta, il-gowl rebbieħ għat-tim ta’ Frank Lampard wasal fis-86 minuta b’MICHY BATSHUAYI jiskorja b’xutt li ħabat mal-mimduda qabel daħal fix-xibka wara kross mix-xellug.
Barcelona tħabtu aktar milli mistenni biex għelbu lil Slavia Praga 2-1 barra minn darhom. Is-solitu LIONEL MESSI fetaħ l-iskor wara tliet minuti minn qagħda ideali. Iċ-Ċeki ħasdu lill-Katalani b’gowl ta’ JAN BORIL fil-50 minuta sakemm awto-gowl ta’ Peter Olayinka seba’ minuti wara spiċċa rebbaħ lil Barcelona.
Napoli baqgħu fil-kmand ta’ Grupp E b’rebħa ta’ 3-2 fl-Awstrija kontra Red Bull Salzburg. DRIES MERTENS poġġa lin-Naplitani minn fuq fis-17-il minuta b’xutt min-naħa leminija sakemm ERLING BRAUT HAALAND ġab id-draw minn penalty fl-40 minuta. DRIES MERTENS reġa’ poġġa lil Napoli minn fuq fl-64 minuta wara li tħalla żmarkat fil-kaxxa iżda reġa’ kien ERLING BRAUT HAALAND li ġab id-draw fit-72 minuta b’daqqa ta’ ras. Madankollu kien LORENZO INSIGNE li skorja l-gowl rebbieħ ftit sekondi wara.
Liverpool kisbu rebħa ta’ 4-1 barra minn darhom kontra Genk. Huma marru fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti b’xutt fil-baxx ta’ ALEX-OXLADE CHAMBERLAIN, bl-istess plejer jirdoppja fis-57 minuta bi ġmiel ta’ konklużjoni. SADIO MANE kabbar il-vantaġġ fis-77 minuta f’azzjoni mill-aqwa biex MOHAMED SALAH għamel l-iskor 4-0 fis-87 minuta. STEPHEN ODEY naqqas id-distakk ftit sekondi wara.
Ġmiel ta’ gowl ta’ JONATHAN IKONE lejn it-tmiem salva punt għal Lille fi draw ta’ 1-1 kontra Valencia. DENIS CHERYSHEV kien poġġa lil Valencia fil-vantaġġ fit-63 minuta wara attakk mibni tajjeb.
Leipzig telgħu fil-quċċata ta’ Grupp H wara li f’darhom għelbu lil Zenit St. Petersburg 2-1. Kien YAROSLAV RAKITSKIY li poġġa lir-Russi minn fuq fil-25 minuta iżda wara li KONRAD LAIMER ġab id-draw fid-49 minuta, kien ġmiel ta’ xutt minn MARCEL SABITZER li ta t-tliet punti lit-tim ta’ Julian Nagelsmann.
Mill-istess grupp, Benfica reġgħu fetħu t-tamiet li jikkwalifikaw bl-ewwel rebħa fil-grupp ta’ 2-1 kontra Olympique Lyon. RAFA SILVA fetaħ l-iskor favur Benfica wara erba’ minuti iżda MEMPHIS DEPAY ġab id-draw b’xutt mill-ewwel fis-70 minuta. Il-gowl rebbieħ spiċċa wasal fis-86 minuta b’PIZZI jieħu vantaġġ minn żball tal-gowlkiper u xeħet f’xibka vojta mid-distanza.
Riżultati kollha
Grupp E: Genk v Liverpool 1-4, Red Bull Salzburg v Napoli 2-3
Grupp F: Inter v Borussia Dortmund 2-0, Slavia Praga v Barcelona 1-2
Grupp G: Benfica v Olympique Lyon 2-1, Leipzig v Zenit St. Petersburg 2-1
Grupp H: Ajax v Chelsea 0-1, Lille v Valencia 1-1
//= $special ?>