Lokali

“Saqsu lill-Ministru tas-Saħħa” – ifarfar dwar iż-żidiet lil Steward Healthcare

Gvern Laburista mhux talli qed jibqa’ jżomm il-ftehim ma’ Steward Healthcare mistur, iżda issa Ministri tiegħu lanqas biss iridu jispjegaw il-flus extra li qed jinghataw fil-Budget dawn is-suppost “investituri”.

Kien waqt il-programm Net Live tat-Tlieta li sar magħruf li mis-sena li għaddiet sa llum kien hemm żidiet esaġerati fl-ispiża tal-Gvern għall-Isptar Karen Grech u dak Ġenerali ta’ Għawdex, meta suppost dawn qedghin f’idejn il-privat.

Filfatt, skont iċ-ċifri tal-Budget, l-ispiża tal-Gvern għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex se titla’ minn €12.5 miljun fl-2017 għal €33.5 miljun fl-2020. Għall-Isptar Karen Grech, l-ispża mistennija tikber minn €4 miljun għal kważi €16-il miljun – 4 darbiet aktar!

Iżda mistoqsi dwar dawn iċ-ċifri, il-Ministru tal-Finanzi ripetutament ħarab milli jwieġeb. Staqsejna lill-Ministru jekk jistax il-poplu jieħu spjegazzjoni dwar dawn iż-żidiet, iżda r-risposta kienet biss: “l-ispjega qegħda fil-budget.”

Dan waqt li nsista li ż-żidiet kienu fil-ftehim oriġinali ma’ Stewart, li għadu mistur u ħadd ma ajf x’fih. Fid-dawl ta’ dan staqsejnieh ukoll kif, fil-każ ta’ Karen Grech dan l-isptar lanqas se jibqa’ jintuża għalli hu bħalissa u allura kif jiġġustifika din iż-żieda fl-ispejjeż.

Iżda hawn ukoll, il-Ministru ħarab milli jwieġeb meta qalilna: “Jien Ministru tal-Finanzi, mhux Ministru tas-Saħħa, jiġifieri dik saqsuha lill-Ministru tas-Saħħa.”

Skont il-ftehim, li l-Gvern dejjem insista li ma jippubblikax, Steward kellhom jinvestu €200 miljun għall-iSptar San Luqa, kellu jinbena l-isptar f’Għawdex u jigi irrangat Karen Grech. Dan tal-aħħar s’issa lanqas biss ra tikħila jew tibjida waħda.

Interessanti wkoll il-fatt illi fid-diskors innifsu tal-Budget, Edward Scicluna fl-ebda ħin ma semma’ lil Steward Healthcare – kumpanija li fl-aħħar ġimgħat kienet qed thedded li saħansitra titlaq minn pajjiżna.