Ir-Russja wissiet lill-qawwiet Sirjani-Kurdi tal-grupp YPG li qegħdin jiffaċċjaw aktar konflitt mal-Armata Torka f’każ li huma ma jikkooperawx ma’ ftehim ‘għall-irtirar tagħhom’ li laħqu l-Mexxejja tar-Russja u t-Turkija fil-bidu tal-ġimgħa.
Il-ftehim isejjaħ biex il-milizji tal-Kurdi jirtiraw miz-zona sħiħa tal-fruntiera lejn il-grigal tas-Sirja u li tmiss mat-Turkija. Dan meta l-kmandanti tal-qawwiet Kurdi ma rreaġewx għall-ftehim li ntlaħaq bejn il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, u l-President Russu, Vladimir Putin, wara taħditiet fir-resort ta’ Sochi (fir-Russja) maġenb il-Baħar l-Iswed.
Lanqas ma kien ċar kif l-irtirar tal-ġellieda Kurdi jista’ ikun infurzat minkejja l-istqarrija konġunta tar-Russja u t-Turkija li rreferiet għat-twaqqif ta’ ‘mekkaniżmu komuni għall-moniteraġġ u verifikazzjoni’ biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim.
It-twissija minn Moska ngħatat ftit qabel il-qawwiet tas-sigurtà Russi u Sirjani kellhom jibdew jissorveljaw l-irtrar ta’ ġellieda tal-YPG u l-armamenti tagħhom sa, talanqas, 30 kilometru ‘il ġewwa fis-Sirja – u skont il-ftehim milħuq bejn Erdogan u Putin.
L-irtirar sħiħ tal-qawwiet Kurdi għandu jfisser trijonf għal Erdogan li, fid-9 ta’ Ottubru, beda offensiva militari kbira fis-Sirja bil-għan li jkeċċi lill-milizji tal-Kurdi miz-zoni tal-fruntiera filwaqt li jwaqqaf ‘zona ta’sigurtà’ fit-territorju għar-ritorn tar-refuġjati Sirjani.
Il-ftehim ta’ Sochi – li jespandi fuq ftehim, jiem ilu, li kien sponsjorjat mill-Istati Uniti – jenfasizza wkoll l-influwenza kbira ta’ Vladimir Putin fis-Sirja. Fl-istess ħin, il-ftehim jikkonferma r-ritorn tal-qawwiet tal-President Sirjan, Bashar al-Assad ( alleat ewlieni ta’ Putin) fl-artijiet lejn il-Grigal tas-Sirja, għall-ewwel darba f’diversi snin.
//= $special ?>