Lokali Qorti

Tliet ħaddiema mixlijin li serqu b’aktar minn €7,000 mill-ħanut fejn kienu jaħdmu

Mara u żewġ żgħażagħ li jaħdmu f’ħanut tal-merċa tas-Sliema ġew mixlijin li serqu b’aktar minn €7,000 fi flus kontanti kif ukoll f’oġġetti tal-ikel u xorb propjeta’ tas-sid li kien iħaddimhom.

Maria Genovese ta’ 34 sena residenti Bormla, Braydon Pace ta’ 21 sena, residenti l-Marsa u żagħżugħ ta’ 17-il sena li ismu ma jistax jixxandar għax għadu taħt l-età, tressqu quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.

L-Ispettur Colin Sheldon xela’ lit-tliet persuni b’serq aggravat u assoċjazzjoni. Pace ġie mixli wkoll li sar reċidiv. Sadanittant is-serq seħħ f’Settembru li għadda bl-oġġetti fil-maġġoranza tagħhom ikunu tal-ikel.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qalu fil-Qorti li l-klijenti tagħhom qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom u għamlu talba għal libertà proviżorja.

L-Ispettur Sheldon ma opponiex għal din it-talba sakemm jingħataw kundizzjonijiet iebsa mill-Qorti. Qal ukoll li t-tliet akkużati obdew il-kundizzjonijiet tal-‘police bail’ li ngħataw.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fejn fil-konfront ta’ Genovese fuq garanzija personali ta’ €500, Pace fuq garanzija personali ta’ €1,500 u ż-żagħżugħ ta’ 17-il sena fuq garanzija personali ta’ €1,000.