Sport Sport Ieħor

Il-jott Malti Elusive 2 tal-aħwa Podesta dikjarat rebbieħ tar-Rolex Middle Sea Race

(Ritratt: Rolex/Kurt Arrigo)

Il-jott Malti Elusive 2 misjuq mill-aħwa Aaron, Christoph u Maya flimkien ma’ ommhom Christine Podesta ġie dikjarat rebbieħ tal-40 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race. It-tlieta ilhom itellqu flimkien mill-2002 b’eċċezzjoni tal-2014.

Missierhom Arthur kien ħa sehem f’kull tellieqa sa mewtu qabel it-tellieqa tal-2015. Hu kien rebaħ it-tellieqa bħala membru tal-ekwipaġġ ma’ Josian fl-1968, Tikka fl-1970 u Saudade fl-1983. B’hekk il-parteċipazzjoni kontinwa fit-tellieqa hi wkoll biex ikomplu l-istorja ta’ suċċess tal-familja.

Matul il-lejl li għadda kien jidher li r-rebbieħ tas-sena l-oħra Courier Recommandè ta’ Gery Trentesaux kien se joħroġ rebbieħ. Iżda l-inċident tal-jott Blackwater it-Tlieta, ra numru ta’ jottijiet wieqfa biex jagħtuh l-assistenza, sitwazzjoni li ħalliet effett fuq ir-riżultat. Il-ġurija semgħet talbiet għall-kumpens tal-ħin minn dawk fl-azzjoni. Fi tmiem tas-smigħ finali, ir-riżultati ġew ikkalkulati mill-ġdid u Elusive 2 rebaħ b’distakk ta’ kwarta.

Sa issa 54 jott spiċċaw it-tellieqa, 18-il jott irtira uffiċjalment u 41 oħra għadhom fuq il-korsa. Aktar illum ir-riħ mill-majjistral se jiddomina.