Budget 2020 Kummerċ Lokali

Il-kirjiet jibqgħu sfida kbira għall-manifattura – Il-Kamra tal-Kummerċ

Budget li m'għamel xejn biex jinċentiva lin-negozji tal-familja

Il-Budget li għadu kif ġie ppreżentat mill-Gvern naqas li jagħti inċentivi lin-negozji tal-famljia. Negozji li jiffurmaw 90% tan-negozji f’pajjiżna. Ghalhekk, qed isir appell biex il-Gvern joħloq aktar inċentivi għal dan is-settur.

Dan ħareġ minn attivita’ li kienet organizzata l-Ħamis filgħodu fil-Kamra tal-Kummerċ, b’uħud minn dawk preżenti jqajjmu dan il-punt partikolari.

Sfida oħra li ssemmiet hi l-kwistjoni tal-kirjiet dejjem jgħolew, fejn kelliem għal kumpanija Ġermaniża qal li meta jkollok ħaddiema barranin li jiġu jaħdmu f’pajjiżna u jagħmlu 10 xhur jitħarrġu, imbagħad jitilqu wara sentejn minħabba l-kirjiet, ikun ta’ telf qawwi għall-kumpanija li tkun investiet fihom.  Anke hawn sar appell biex il-Gvern jagħmel din il-kwistjoni prijorità.

Punt ieħor li ssemma kienet ir-rata tat-taxxa fuq il-manifattura fejn intqal li pajjiżi oħra Ewropej, bħal Franza, i-Belġju u r-Renju Unit kif ukoll l-Istati Uniti kienu qegħdin inaqqsu r-rati tat-taxxi fuq dan is-settur. L-appell kien biex Malta wkoll issegwi f’din it-triq u tinċentiva s-settur bi tnaqqis fit-taxxa.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb, li ndirizza dan il-business breakfast, qal li l-Budget ma għamel kważi l-ebda referenza għall-industrija tal-manifattura.

Xuereb qal li skont rapport marbut ma’ dan il-qasam, kien hemm tnaqqis kbir f’dik li kienet manifattura fl-2018.  Anke l-President tal-Kamra saħaq li waħda mill-akbar sfidi għal dan is-settur hija l-problema tal-kirjiet dejjem jogħlew u li skont hu hija problema li mhux qed tiġi indirizzata tajjeb. Sfidi oħra qal Xuereb, huma l-ispejjeż tal-pagi, in-nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa u l-moviment tal-ħaddiema.

David Xuereb qal li jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi, kemm long term kif ukoll short term.