Futbol Sport

Jan Busuttil grat taċ-ċans li ngħata minn Pietà iżda jrid jirbaħ unur f’dan l-istaġun

(Ritratt: Floriana FC)

Jan Busuttil, wieħed mit-talenti żgħażagħ tal-futbol lokali li għat-tieni staġun konsekuttiv qed jilgħab fil-Kampjonat Premier fl-età ta’ 20 sena. Plejer li jittama li jilħaq livelli importanti biex ikun jista’ jwettaq il-ħolma tiegħu li hi dik li jilgħab barra minn Malta b’mod professjonali.

Fl-aħħar snin, Busuttil ifforma parti mit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn Silvio Vella. Din l-għażla waslet minħabba ċ-ċans li ngħata minn Pietà Hotspurs filwaqt li issa li bidel il-klabb qed jipprova jgħolli l-livell tiegħu. Busuttil hu grat għal dan iċ-ċans li ngħata minn Pietà Hotspurs. “Kienu tmien snin sbieħ ħafna, napprezza ħafna dak kollu li għamilt ma’ Pietà għaliex huwa l-klabb li għallimni nilgħab il-futbol.”

Mistoqsi jekk kienx iċċaqlaqx minn ma’ Pietà dan is-sajf minħabba li ġew relegati għall-Ewwel Diviżjoni, Busuttil qal li f’Jannar diġà kellu kuntatti ma’ xi klabbs kbar f’pajjiżna għaliex kien iddeċieda li jagħmel il-qabża. Hu żied li Pietà hu klabb tajjeb ħafna iżda jaħdem aktar fuq iż-żgħażagħ milli jirbaħ l-ogħla unuri.

(Ritratt: Joe Borg)

Il-karriera ta’ Jan Busuttil sa issa

Dan hu l-ewwel staġun ta’ Busuttil ma’ Floriana wara li ngħaqad magħhom f’Ġunju li għadda mingħand Pietà Hotspurs. Dan il-klabb kien li tah l-opportunità li jilgħab kemm ma’ tim tal-kbar kif ukoll fil-Kampjonat Premier. Hu għamel id-debutt ma’ Pietà Hotspurs fl-Ewwel Diviżjoni fl-istaġun 2015/16 meta kien għad kellu 16-il sena. Patrick Curmi kien tah id-debutt dak iż-żmien u minkejja l-età tiegħu, mill-bidu kien wera l-kwalitajiet tant li aktar ma għadda ż-żmien, aktar sar plejer regolari u importanti fit-tim.

Wara żewġ staġuni oħra fl-Ewwel Diviżjoni, Jan Busuttil għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier fis-17 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra fit-telfa ta’ 2-1 kontra Hibernians. Matul l-istaġun li għadda hu kkonferma l-potenzjal tiegħu speċjalment fl-ewwel rawnd meta Pietà kellhom riżultati aħjar. Taħt it-tmexxija ta’ Ramon Zammit, Busuttil kien regolari fit-tim u skorja l-ewwel gowl tiegħu fl-ogħla diviżjoni fil-25 ta’ Awwissu fit-telfa ta’ 2-1 kontra Birkirkara.

Bi Pietà jispiċċaw il-kampjonat relegati, il-futur ta’ wieħed mill-aktar żgħażagħ promettenti fil-pajjiż kien xorta destinat li jibqa’ fil-Kampjonat Premier. Għalkemm kien hemm aktar minn klabb interessat, Busuttil għażel lil Floriana. Ma’ Pietà, Jan Busuttil lagħab 42 logħba fl-Ewwel Diviżjoni u skorja disa’ darbiet u fl-istaġun li għadda fl-ewwel staġun fil-Kampjonat Premier, Busuttil lagħab 24 logħba u skorja gowl. F’dan l-istaġun, Busuttil qed ikun introdott ftit ftit u fl-erba’ logħbiet li lagħab sa issa, skorja gowl kontra Tarxien Rainbows.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Għaliex Floriana?

Wieħed mill-fatturi ewlenin għaliex għażel Floriana kien minħabba li għandu aktar ċans li jilgħab. Hu kompla li l-Furjaniżi urew ħafna interess fih u wara li ħafna ħsieb iddeċieda li jingħaqad ma’ Floriana, għalkemm kien hemm klabbs oħra bħal Gżira United u Valletta li kienu interessati fih. “Ix-xewqa tiegħi minn dejjem kienet u ħa tibqa’ tkun li nirbaħ l-unuri ma’ klabb li qiegħed fil-quċċata tal-klassifika u Floriana hu wieħed minn dawn il-klabbs.”

F’dan l-istaġun, Busuttil qed jistenna li b’mod personali jilgħab kemm jista’ jkun filwaqt li x-xewqa tiegħu hi li jirbaħ xi unur f’dan l-istaġun, saħansitra l-kampjonat. Hu jinsab pożittiv fuq dan il-ħsieb. “Għandna skwadra tajba ħafna, qegħdin bħala katina jiġifieri kulħadd jaħdem għal xulxin. L-atmosfera hemm qegħda, id-dressing room qegħda tajba ħafna u jekk alla jrid, jekk nibqgħu sejrin naqtgħu xewqitna.”

(Ritratt: Joe Borg)

Ix-xewqa ta’ Busuttil li jilgħab barra l-pajjiż

Ix-xewqa taż-żagħżugħ ta’ 20 sena hi li jgħix il-ħajja ta’ plejer professjonali. Hu jemmen li d-dedikazzjoni u l-imħabba li għandu lejn il-futbol, tista’ twasslu biex jemmen li hu kapaċi jagħmel din il-qabża. Il-winger ta’ Floriana żied li b’hekk ikun jista’ jitjieb u jibbenefika t-tim nazzjonali Malti minbarra li jkun hemm aktar min isegwi l-progress tiegħu.

Hu jammetti li hemm qabża kbira bejn dak li hawn Malta u barra pajjiżna. “Naħseb li l-plejers ta’ barra speċjalment fiżikament ikunu tajbin ħafna. Għadna kif lagħbna kontra l-Finlandja u tinduna li hemm qabża kbira speċjalment fil-mentalità. Però niħduhom bħala esperjenzi u nitgħallmu minnhom u nħarsu lejhom dawn il-plejers bi nitjiebu aħna wkoll. Ma għandniex naqtgħu qalbna u nemmen li jekk ikun hemm aktar dedikazzjoni lejn il-futbol, nistgħu nagħmluha bħalhom.”

Sentejn ilu, Jan Busuttil għamel pre-season ma’ tim tat-Tieni Diviżjoni tal-Awstrija. Hu ma għandux għażla partikolari f’liema pajjiż irid jilgħab iżda għalih l-importanti hu li jkun futbol ta’ kwalità u jkun jista’ jitjieb.