Lokali

“Mhux se nifqgħu il-Qrati b’rapporti” dwar diskors ta’ mibegħda – Michael Farrugia

Skont l-aħħar stħarriġ minn SOS Malta, 21 fil-mija tad-diskors ta’ mibegħda hu ibbażat fuq nazzjonalita, segwit minn diskors ibbażat fuq twemmin politiku bi 18 fil-mija u 15 fil-mija fuq bażi ta’ twemmin reliġjuż.

Dawn huma l-ikbar tliet kawżi ta’ aġir u diskors ta’ mibegħda f’Malta. Dawn iċ-ċifri kienu ikkwotati mill-Ministru tal-Intern u Sigurta Nazzjonali Michael Farrugia fl-inawgurazzjoni ta’ unit ġdid għal kontra ir-reat u d-diskors ta’ mibegħda.

80 fil-mija tar-reati ta’ mibegħda jieħdu l-forma ta’ abbuż verbali wiċċ imb’wiċċ  kif ukoll online fuq il-media soċjali.

Michael Farrugia qal li mhux l-iskop ta’ dan il-unit li jagħmel “witch hunt” online u li jifqa’ l-Qrati b’rapporti ta’ abbużi.

Hu qal li l-iskopijiet huma tnejn; l-ewwel nett; kampanja edukattiva biex jitrażżan id-diskors ta’ mibegħda. Hu qal li f’ċirkostanzi partikolari ikun hemm kumment wieħed u fil-pront tibda konpetizzjoni bejn min joħroġ bl-iktar ħdura.

Il-Ministru Farrugia appella wkoll lill-media biex ikun hemm iktar attenzjoni dwar xi rapportaġġ, għax ċertu lingwaġġ jista’ jispiċċa jinstiga lil min jobżoq il-mibegħda. Barraminhekk, kull min għandu xi forma ta’ preżenza online għandu jkun attent għall-kummenti li jkun hemm fuq il-paġni tagħhom.

It-Tieni għan hu li tingħata assistenza legali u terapewtika lill-vittmi ta’ diskors ta’ mibegħda.

Filwaqt li l-iktar ċirkostanzi komuni ta’ diskors ta’ mibegħda huma razziżmu u xenofobija, twemmin politiku jew twemmin reliġjuż, diskors ta’ mibegħda jkun imqanqal ukoll f’ċirkostanza differenti.

Michael Farrugia qal li eżempju ta’ dan kienu l-protesti favur u kontra l-abort fejn il-kummenti u tgħajjir minn uħud fil-konfront ta’ min jaqblux magħhom kienu ta’ livelli inaċċettabbli.

Minkejja l-inawgurazzjoni tal-bini fid-daħla tal-Belt Valletta saret il-Ħamis filgħodu, il-unit għadu qed jirrekluta in-nies u se jibda jaħdem fil-ġimgħat li ġejjin.