Aktar arresti mistennija jsiru fil-jiem li ġejjin wara li raġel minn Ħal-Tarxien spiċċa arrestat wara li allegatament fil-karozza tiegħu u f’garaxx instabu disa’ kilos ta’ droga ‘kannabis grass’.
Josef Majri ta’ 22 sena qal fil-Qorti li huwa kien jaħdem mal-industrija tal-films qabel ma wieġeb mhux ħati li kien fil-pusses tad-droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
L-Ispettur Justine Grech qalet lill-Maġistrat Audrey Demicoli kif il-Pulizija, f’informazzjoni kunfidenzjali li kellha li l-akkużat kien qed jittraffika d-droga. Huwa kien imwaqqaf mill-Pulizija hekk kif kien qiegħed isuq karozza reġistrata fuq isem ħaddieħor.
Tliet kilogrammi ta’ ‘kannabis grass’ instabu fil-karozza filwaqt li minn aktar tfittxijiet instabu sitt kilogrammi ta’ ‘kannabis grass’ f’garaxx, u dan wara li nstabu ċwievet fuq il-persuna tiegħu, liema ċwievet kienu tal-garaxx.
Majri wieġeb mhux ħati filwaqt li l-Ispettur Grech oppona t-talba tal-Avukat Difensur għall-ħelsien mill-arrest u dan minħabba n-natura gravi fuq dak li qed jiġi mixli dwaru, u l-invstigazzjoni li għadha sejra u li din tikkostata biża li l-provi jistgħu jiġu mittiefsa.
L-Avukat Franco Debono argumeta li l-fatt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin ma jfissirx li l-akkużat għandu jibqa’ arrestat. Qal li l-akkużat qatt ma kien il-ħabs qabel u li għandu post tax-xogħol fiss. Il-Qorti minn naħa tagħha ċaħdet it-talba u qablet mar-raġunijiet tal-Prosekuzzjoni. Kienet ordnata ukoll friża fuq il-propjetá tal-akkużat.
//= $special ?>