Lokali Parlament

Russu-Iżraeljan b’dikjarazzjoni falza biex ħa d-dritt tal-vot fl-elezzjoni ġenerali

  • Karol Aquilina PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina żvela ta’ ċittadin Russu-Iżraeljan li xtara passaport Malti u għamel dikjarazzjoni falza biex ħa d-dritt tal-vot fl-elezzjoni ġenerali.

Fil-parlament Karol Aquilina semma’ l-każ ta’ Anatoly Borisovich Hurgin li twieled ir-Russja fid-9 ta’ Mejju 1958 u għandu ċittadinanza Iżraeljana u Maltija mixtrija fl-2015 fl-indirizz f’Malta Pender Gardens 1214, Triq Sant’Andrija, San Ġiljan.

Dan xtara ċ-ċittadinanza Maltija nhar l-14 ta’ Settembru 2014 u n-numru taċ-ċertifikat taċċittadinanza Maltija huwa 3162. Hu xtara wkoll iċ-ċittadinanza Maltija għal Karina Georgievna Hurgin, il-mara tiegħu li twieldet nhar it-18 ta’ Marzu 1962, għal Igor Anatolyevich Hurgin, ibnu li twieled nhar id-9 ta’ Ottubru 1988 u għal Daniel Hurgin, ibnu li twieled nhar it-12 ta’ Settembru 1996.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dakinhar stess li ngħata ċ-ċittadinanza hu applika wkoll biex ikollu dritt jivvota fl-elezzjoni ġenerali f’Malta. Id-dritt tal-vot kien tneħħielu wara rikors li sar mill-Partit Nazzjonalista. Fid-dikjarazzjoni ffirmata minnu stess stqarr li kien ilu joqgħod Malta għal perijodu ta’ 180 jum fl-aħħar 18-l xahar qabel id-data tal-għeluq tar-reġistru elettorali, jiġifieri qabel Ottubru 2015. Din hija dikjarazzjoni falza u reat kriminali serju.

Id-deputat Nazzjonalista qal li mill-provi li ngħataw jirriżulta li Hurgin kien Malta għal inqas minn 20 ġurnata − mill-25 ta’ Jannar sad-29 ta’ Jannar 2015. Nhar it-13 ta’ April 2015 huġie u telaq minn Malta fl-istess jum; mill-15 ta’ Ġunju 2015 sat-23 ta’ Ġunju 2015 u mit-13 ta’ Settembru sad-19 ta’ Settembru 2015.

Ftit tal-ġimgħat ilu hu ġie arrestat u qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi, traffikar u ħasil ta’ flus. Hurgin għandu diversi kumpaniji li jispeċjalizzaw fil-hacking tat-telephones u fit-teknoloġija; biex wieħed inkluż gvernijiet jispjunaw fuq ħaddieħor.

F’Mejju 2016 Hurgin kien ftaħar li bi ftit miljuni u b’numru tat-telephone wieħed jista’ jispjuna fuq it-telefonati u l-messaġġi ta’ kwalunkwe persuna, tkun fejn tkun u tkun fejn tkun il-persuna l-oħra.

Il-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan qed jinvestiga lil Hurgin u lill-kumpaniji tiegħu dwar ksur ta’ liġijiet internazzjonali u liġijiet Iżraeljani dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà.

Eżatti fl-istess żmien li Hurgin kien qed jixtri ċ-ċittadinanza Maltija huwa kien qed iwettaq frodi ta’ aktar minn $15-il miljun u tellef $60 miljun lix-shareholders tal-kumpanija Cambridge Capital Acquisition Corp. Dan għamlu meta b’mod abbużiv għaqqad il-kumpanija tiegħu ma’ oħra li jisimha Cambridge Capital Acquisition Corp. Il-kumpanija ta’ Hurgin spiċċat irċeviet $19-il miljun.

Karol Aquilina qal li s-Securities and Exchange Commission tal-Istati Uniti tal-Amerika qalet li Hurgin u sieħbu fil-kumpanija ċertu Alexander Aurovsky ħbew informazzjoni mix-shareholders ta’ Cambridge Capital Acquisition Corp. u gidbu lill-awdituri tal-kumpanija tagħhom stess (Ability Inc.).