Lokali

Studju konġunt dwar il-qagħda tal-għalliema f’Malta

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Union tal-Għalliema ħabbru li se jsir studju konġunt dwar xi tfisser li tkun għalliem illum.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-kwartieri tal-MUT fil-Ħamrun, il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li l-għanijiet ta’ dan l-istudju huwa sabiex toħroġ stampa ċara dwar is-sitwazzjoni tal-edukaturi u jistħarreġ fost oħrajn ir-raġunijiet għaliex l-edukaturi qed jitilqu mill-professjoni.

Hekk kif il-union u l-Ministeru ma’ jaqblux dwar kemm hi kbira l-problema, l-aħjar soluzzjoni hi li jkun hemm studju konġunt immexxi mill-Professur Mark Borg.

Marco Bonnici qal li l-MUT lesta li tikkollabora bis-sħiħ sabiex jittieħdu dawk il-miżuri li jtejjbu l-qagħda tal-għalliema u l-edukaturi.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo qal li miċ-ċifri li għandu l-Ministeru, il-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema hi f’ċertu suġġetti bħall-Ingliż, Computer Studies, ix-Xjenza u, jekk ix-xejra tkompli kif inhi, fil-Matematika.

Hu qal li n-nuqqas ta’ għalliema hi problema li qed jiffaċċjaw bosta pajjiżi madwar id-dinja. Fl-UE,  26 mit-28 Stat Membru għandhom problemi ta’ nuqqas ta’ għalliema u f’pajjiżi oħrajn din il-problema ssir iktar serja meta jitqies li l-eta medja tal-għalliema hi ta’ 50 sena.

Il-Ministru qal li fil-każ ta’ Malta, l-eta medja tal-edukaturi hi fost l-iżgħar fl-UE, li tagħti iktar ċans biex tittieħed azzjoni u miżuri li jżidu l-kundizzjonijiet tax-xogħol is-sodisfazzjon u l-wellbeing tal-edukaturi biex dawn ma jintilfux.

Mistoqsi jekk hux se jkun hemm stħarriġ fost l-edukaturi li ħallew il-professjoni, Evarist Bartolo qal li dan se jsir iżda mingħajr ma jimminizza, qal li fost l-edukaturi li irriżenjaw, żewġ terzi minnhom baqgħu fil-qasam edukattiv f’istituzzjonijiet bħall-MCAST u Junior College.

Il-Professur Mark Borg qal li l-istħarriġ se jsir fost l-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-istat.

L-għan aħħari tal-istudju hu sabiex jiġu identifikati is-sitwazzjonijiet li qed ixekklu lill-edukaturi milli jħossuhom sodisfatti fil-karriera tagħhom. Edukatur sodisfatt hu edukatur li jibqa’ fuq ix-xogħol u jkun ta’ benefiċċju ikbar għall-istudenti.

L-ewwel riżultati ta’ dan l-istħarriġ mistennija jitlestew fi żmien sitt xhur.

Ikkummenta