Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Charlie Borg ‘is-Sunnara’

“Li tpoġġi l-ewwel bħala prijorita’ fil-ħajja jispiċċa jmexxi l-ħajja tiegħek. Il-ħajja ma titqiesx fit-tul taż-żmien iżda l-mod kif tagħżel li tgħix dak iż-żmien mogħti lilek.”

Kien b’dan il-kliem li Fr Charles Gauci sellem il-memorja ta’ Charlie Borg, magħruf bħala s-Sunnara, quddiem numru kbir ta’ nies li ppakkjaw il-Bażilika ta’ Santa Elena f’Birkirkara.

Fost l-isbah karatteristiċi li kellu Charlie kienet il-qalb tajba li kellu, u li kien jgħin lil kulħadd – persuna ta’ lealta’ inkredibbli.

Charlie Borg miet it-Tnejn li għadda fl-eta’ ta’ 65 sena. Hu kien wieħed mill-iktar persuni qrib l-ex Prim Ministru Eddie Fenech Adami sa mill-bidu tal-karriera politika tiegħu u kien attivist tal-PN.

Charlie Borg kien ukoll wieħed mix-xufiera ta’ Eddie Fenech Adami u kien fuq quddiem mal-PN u ma’ Eddie Fenech Adami fl-aktar mument diffiċli fl-istorja tal-PN fis-sebgħinijiet u fit-tmenijiet.

Charlie Borg (lemin) flimkien ma’ Eddie Fenech Adami

Borg baqa’ ma’ Eddie Fenech Adami sakemm l-ex Prim Ministru temm il-karriera politika tiegħu u anki baqa’ viċin tiegħu wara.  

Eddie Fenech Adami jitla’ t-taraġ ta’ Kastilja wara l-elezzjoni ġenerali tal-1992 flimkien ma’ Charlie Borg. Jidher ukoll in-Nutar Tony Abela

Jingħaqdu mal-familja u l-ħbieb biex jagħtu l-aħħar tislima lil Charlie s-Sunnara kien hemm diversi Deputat u eks Deputati tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-PN Adrian Delia, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, u eks Kapijiet tal-PN, b’mod partikolari Eddie Fenech Adami u l-familja Fenech Adami, li Charlie tant kien qrib tagħhom għal għexieren ta’ snin.