Lokali Qorti

Tiżdied sew is-somma ta’ kumpens lil sidien ta’ propjetà mikrija lill-Banda San Ġiljan – Minn €300,000 għal €492,000

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo, Tonio Mallia u Noel Cuschieri żiedet is-somma ta’ kumpens minn €300,000 għal waħda ta’ €492,000 li għandha tingħata lil sidien ta’ propjeta prominenti quddiem il-baħar, mikrija lill-Banda San Ġiljan 92 sena ilu. 

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivoli kien ordnat li s-sidien jingħataw is-somma ta’ €300,000 bħala kumpens morali u ħsara pekunarja għal fuq drittijiet mittiefsa dwar il-propjeta’. 

Madankollu kien appell minn naħa tal-Avukat Ġenerali li qal li l-kumpens huwa għoli wisq u appell ieħor minn naħa tas-sidien li qalu li l-kumpens kien baxx u li ħaqqhom kumpens akbar. Il-Qorti tagħat raġun lis-sidien bil-kumpens jiżdied bi kważi €200,000. Il-Qorti Kostituzzjonali qablet mal-maġġoranza tal-punti tal-ewwel Qorti, madankollu qalet li l-kumpens għandu jitla’.  

L-ewwel Qorti kienet ordnat li s-sidien jingħataw €285,000 bħala danni pekunarji u €15,000 f’danni morali. Issa l-Qorti iddeċidiet li bħala danni pekunarji jingħataw €480,000 u €12,000 f’danni morali.  

F’każ li ilu jkarkar għal 20 sena, li nbeda minn ċerta Anna Galea u li tkompla mill-eredi tagħha, l-familja Galea Salamone, flimkien mal-kumpanija Mercury Investments Ltd, kien spiċċa b’sentenza fil-Qorti li fi Frar li għadda laqgħet it-talba li d-drittijiet fundamentali tagħhom tat-tgawdija tal-propjeta’ kienu mittiefsa. 

Il-propjeta’ li tinsab fi Triq San Ġorġ kienet mikrija mis-sid oriġinali Antonio Ellul lill-Banda San Ġiljan, lura fi Frar tal-1927, u dan permezz ta’ ftehim verbali fuq kiorja ta’ Lm43, ekwivalenti għal €100.16. 

Parti mill-propjeta’ kienet eventwalment mikrija lil terzi persuni biex titmexxa bħala ħanut tax-xorb u ristorant, u dan kien li qanqal lis-suċċessuri ta’ Ellul biex jippruvaw itemmu s-sitwazzjoni li effettivament kienet qed timpedihom mid-dritt ta’ tgawdija sħiħa tal-propjetà. 

Għal din ir-raġuni sa minn Marzu tas-sena 2000, is-sidien irrifjutaw li jaċettaw il-pagamenti tal-kirja, filwaqt li bdew proċeduri quddiem il-Bord Regolatorju tal-Kera, fejn bdew jaspiraw għat-terminazzjoni tal-kirja abbażi tal-kirja lil terzi persuni u l-bidla li saret minn naħa tal-Banda San Ġiljan, li krew lil terzi persuni, mingħajr il-permess tagħhom. 

Madankollu, fl-2005, il-Bord ċaħad it-talba tas-sidien, deċiżjoni li kienet ikkonfermata sena wara mill-Qorti tal-Appell, li rema’ l-barra t-talbiet tas-sidien. Iffaċċati minn dan ix-xenarju, is-sidien ma qatgħux qalbhom, u bdew proċeduri Kostituzzjonali fi Frar, tal-2013, fejn talbu li l-fatt li ma tħallewx skont il-liġi li jitterminaw il-kirja, jew jirreveduha, kien qed jammonta għaċ-ċaħda tad-drittijiet tagħhom fuq il-propjeta’, u dan skond is-sigurta’ tal-Konvenzjoni Ewropea. 

Mingħajr l-ebda dubju, artiklu wieħed taħt Protokol 1 tal-Konvenzjoni jipprovdi, “li kull persuna narturali jew legali għandu dritt ta’ tgawdija bil-kwiet ta’ dak li jippossedi. Ħadd m’għandu jiċċaħħad minn ħwejjġu jew mill-pusses tagħhom, minbarra biss jekk ikun każ ta’ interess pubbbliku u suġġett għall-kundizzjonijiet ipprovduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali. 

Is-sidien argumentaw li emendi tal-liġijiet tal-kera ma kienux tejbu l-kundizzjonijiet tagħhom għal propjeta’ kummerċjalu li kienu għad iridu jirrevedu l-kirja u li ma setgħux ibiddlu l-kundizzjonijiet tal-istess kirja sakemm din ma tiġix awtoriżżata mill-Bord. 

F’dan il-każ, mhux biss il-Bord u l-Qorti tal-Appell ċaħad it-talba tas-sidien, iżda d-deċiżjoni tal-każin tal-Banda, li tikri lil terzi ħanut tax-xorb u ristorant, tħalliet issir, u għalhekk tħallew persuni igawdu minn benefiċċji konsiderevoli, a spejjes tas-sidien, li kienu ħadu ħmerija. 

Il-valur tal-propjeta’ tal-propjeta’ illum huwa stmat li jiswa’ €2,600,000, filwaqt li l–valur tal-kera huwa stmat kif kien bir-rata kummerċjali fis-sena 2010 kien ikkalkulat ta’ €152,000. 

Tliet esperti addizzjonali, mqabbdin mill-Qorti fl-2015 kienu stmaw il-propjetà li tiswa’ €1,500,000, iżda b’valur ta’ kirja li teċċedi l-miljun. Fuq il-bażi tal-provi kollha li nġiebu fil-Qorti, ġie konkluż li l-valur tal-kirja tal-propjeta’ fuq perjodu ta’ 30 sena, bejn l-1987 u l-2017, wara li l-propjeta’ kienet inbiegħet lil terzi, kienen ta’ €978,194. 

Il-Qorti kienet iddikjarat, li minkejja li l-propjeta’ kienet trasferita lill-kumpanija Heritage Hotels Ltd f’Marzu 2018, id-drittijiet xorta baqgħu tas-sidien b’mod sħiħ. Dwar l-argument li l-kirja serviet “bħala interess ġenerali”, l-Qorti ddikjarat li “La darba li Stat kellu interess fuq l-importanza soċjo-kulturali, ikun għalhekk li l-istess stat għandu jgħinhom u jinvesti fihom, mhux idawwar il-problemi fuq iċ-ċittadin privat biss.