Futbol Sport

Valletta jġeddu s-sħubija ma’ Iniala bi tliet snin

(Ritratt: Valletta FC)

Iċ-champions lokali Valletta ħabbru li estendew il-ftehim tagħhom mal-kumpanija Iniala bi tliet snin oħra.  Il-President ta’ Valletta Victor Sciriha, qal li llum il-fundatur ta’ Iniala Mark Weingard mhux biss sponsor imma wkoll ħabib tiegħu u żied li din hi waħda mill-isbaħ affarijiet fil-futbol.

Weingard jgħin ukoll fin-nursery ta’ Valletta, b’Victor Sciriha jirringrazzjah għaliex fi kliemu dejjem sab għajnuna mingħandu. Il-fundatur ta’ Iniala qal li dak li qed jagħmlu llum hu aktar minn għajnuna finanzjarja, hekk kif qed jgħin lill-klabb biex itejjeb id-dehra tiegħu.

(Ritratt: Martin Agius)

Hu żied li għan ieħor hu li l-finanzi jmorru wkoll għal żgħażagħ b’diffikultà fil-Belt Valletta, u ħabbar ukoll li Iniala se jiftħu lukanda fil-Belt fuq in-naħa tal-Port il-Kbir. Weingard żied li għażlu lil Valletta FC għaliex iridu jkunu fil-qalb tal-belt kapitali.

Weingard, li hu President Onorarju ta’ Valletta, qal li huma jridu jkunu fil-qalb tal-Belt Valletta u qal li se jitwaqqaf dak li jissejjaħ Valletta Business Development Fund, b’somma ta’ €100,000 biex jgħinu lill-komunità wkoll. “Il-flokk jirrappreżenta l-belt kapitali. Intom qed tgħinuna nxejru l-bandiera tagħna u aħna qed ngħinu lit-tim jikseb is-suċċessi,” kompla Weingard.

(Ritratt: Martin Agius)

Dwar l-istennija tal-faċilitajiet, Sciriha qal li għadhom qed jistennew il-wegħda tal-Gvern biex jiffirmaw il-kuntratt u kkonferma li waqa’ l-ftehim ma’ Sanban Group għaliex Sciriha qal li “l-klabb tal-Belt hu kbir biżżejjed biex jattira investituri oħra.”

Il-President ta’ Valletta tkellem ukoll dwar il-bidu li kellhom Valletta f’dan l-kampjonat. Hu qal li l-istaġun li għadda bdew ħażin ukoll iżda spiċċaw rebħu l-kampjonat. Sciriha tenna l-fiduċja fl-istaff tekniku u l-plejers u kkonferma li fil-jiem li ġejjin se jaslu midfielder u attakkant biex isaħħu l-iskwadra, anki wara li Yuri Messias ħalla l-klabb.