Lokali Qorti

18-il xahar ħabs fuq serq minn magna tas-sigaretti

Raġel mill-Imtarfa ġie kundannat 18-il xahar ħabs wara li nstab ħati li seraq minn magna tas-sigaretti f’Ta’ Qali. Huwa nqabad li wettaq dan ir-reat mill-marki tas-swaba’ li ħalla fuq sikkina li nesa warajh.

Renald Barbara ta’ 35 sena ammetta li fil-lejl ta’ bejn id-19 u l-20 ta’ Ottubru tal-2016t seraq flus kontanti u sigaretti minn magna f’Ta’ Qali Snack Bar. Huwa ammetta wkoll li għamel ħsara fi ħwejjeġ ħaddieħor, li ġarr sikkina mingħajr liċenzja u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima is-sid tal-ħanut qal li meta mar jiftaħ il-ħanut sab it-tieqa mkissra u l-magna tas-sigaretti sgassata. Fil-Qorti rriżulta kien hemm ukoll €884 fi ħsara fil-magna tas-sigaretti, u serq ta’ €1,071 f’sigaretti u €300 fi flus kontanti.

Ħareġ ukoll kif kien hemm marki ta’ swaba’ fuq sikkina li nsabet fil-post, u li dawn qablu mas-sebgħa l-kbir tal-id xellugija ta’ Barbara. Wara li qieset il-kondotta kkulurita tiegħu, l-Qorti kkundannat lil Barbara 18-il xahar ħabs u multa ta’ €1,164, waqt li kien ordnat ukoll iħallas €490 fi spejjeż tal-esperti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Grech.