Lokali

40,000 ewro għall-inawgurazzjoni ta’ biċċa mill-proġett

Il-Ministru Ian Borg jaħrab mid-domandi dwar in-nefqa enormi għal sempliċi tinda u sistema tas-sound, sabiex ġiet inawgurata biċċa mill-flyover tal-Marsa – nefqa li laħħqet kważi 40,000 ewro.

Flus, illi kif żvelat it-Times, marru għal nies qrib ferm tal-Partit Laburista.

Saqsejna wkoll lill-Ministru Ian Borg jagħtina raġuni għaliex il-loġistika ta’ din il-press conference ġiet fdata f’idejn Formac Ltd.

Iktar kmieni din il-ġimgħa sar magħruf li l-maġġor parti tal-40,000 ewro li Intrastructure Malta nefqet sabiex ġie inawgurat il-ftuħ ta’ biċċa mill-proġett tal-Marsa, marru ghand Formac Ltd – il-kumpanija li torganizza ħafna mill-attivitajiet tal-massa tal-Partit Laburista.

F’mistoqsija Parlamentari ta’ Karol Aquilina, sar magħruf li Formac Ltd ħadet is-somma ta’ iktar minn 37,000 ewro.

L-akkwisti kollha magħmula minn Infrastructure Malta għall-inawgurazzjoni saru permezz ta’ direct orders mingħajr xi tip ta’ proċess kompetittiv.

Skont it-Times of Malta, il-kumpanija omm ta’ Formac Ltd hija TEC Ltd, l-organizzatur prinċipali tal-attivitajiet tal-massa organizzati mill-Partit Laburista sa mill-2013.