Argument familjari fuq fenek wassal biex ittieħdu proċeduri fil-konfront ta’ raġel ta’ 41 sena, u li dan instab ħati li żamm lil oħtu kontra l-volontà tagħha, anke jekk momentarjament.
Huwa kien tressaq il-Qorti f’Jannar tas-sena l-oħra, wara ġlieda li kienet nqalgħet fl-istess xahar fir-razzett tal-familja ġewwa San Ġwann. Il-vittma kienet qed tilmenta ma’ missierha minħabba li l-fenek, li hija kienet tieħu ħsieb kien ittieħed minn neputi mingħajr ma hija kienet infurmata.
Ir-raġel kien ġie mixli b’arrest illegali, li kkaġuna lilha feriti gravi, li kkawżalha biża li se ssir vjolenza fil-konfront tagħha u li nsulentha. Minn naħa tagħha hija kienet kellmet ħażin lil ħuha wara li dan kien waddbilha buqar bl-ilma fid-direzzjoni tagħha, iżda ma kienx laqatha.
Wara huwa kien qabadha minn wara u tefagħha f’għalqa u beda jagħtiha bis-sieq u jimbuttalha rasha mal-ħamrija u jwaddbilha diversi oġġetti fid-direzzjoni tagħha, qalet il-vittma meta xehdet.
Hija kienet qalet ukoll li f’ħin minnhom kienet kissret flixkun biex tużah bħala arma, iżda dak il-ħin ġiet f’sensiha u ddeċidiet li aħjar ma tagħmel xejn, u minflok marret tiffaċċah wiċċ imb’wiċċ, biex tirraġuna miegħu.
Madankollu qalet li qafilha fi stalla u bdiet tħabbat b’diversi oġġetti meta ndunat li kellha qata’ kbira f’idejha u ħafna demm ħiereġ. Il-Qorti semgħet lill-missier jispjega kif ibnu kien qallu li kien sakkat lil mara fl-istalla minħabba li kienet attakkatu bi flixkun. Huwa kien ra d-demm biss wara li tħalliet toħroġ mill-istalla.
L-akkużat kien qal lill-Pulizija li kien qafilha fl-istalla biex hija tilħaq tikkalma u jevita li l-argument jiskala. Kien qal ukoll lill-Maġistrat Joe Mifsud, li sema’ l-provi, li wara li mbotta lil oħtu, fejn qal li anke kienet gidmitu, huma sema’ flixkun jinkiser u ra riesqa fid-direzzjoni tiegħu bil-flixkun u qaltlu ‘ejja ħa naraw kemm int bully issa’, qabel ma remiet il-flixkun.
Ħareġ ukoll li l-mara kienet sofriet minn laċerazzjonijiet fondi li kellha f’idejha, u riżultat ta’ dan spiċċat bi tlieta fil-mija ta’ idejha diżabbli. Professur li jopera qal fil-Qorti li l-ferita hija forma ta’ L fuq il-polz tagħha x’aktarx li seħħet permezz ta’ flixkun imkisser, sikkina jew xi fuħħar imkisser u li l-ferita se tibqa fuqha b’mod permanenti.
Il-Maġistrat qal fis-sentenza tiegħu li l-mara nżammet kontra l-volontà tagħha għal ftit mumenti, u dan ma jeskludiex li sar reat ta’ arrest illegali, fatt ukoll li kien ħareġ f’kawża fil-Qorti tal-Appell. Madankollu l-Qorti qalet li hija konvinta li l-ġrieħi li sofriet il-mara ma kienu kkawżati mill-akkużat.
Fuq ir-reat ta’ ferita gravi, l-Maġistrat qal li t-tabib li eżamina lil mara l-ġurnata ta’ wara kien infurmat minnha setess li dawn kienu ġew ikkawżati minn ‘chicken wire’. Qal li dan id-dettal kien nieqes mix-xhieda li hija tagħat.
Il-fatt li l-akkużat qatt ma indika li huwa kien qed iġorr xi ħaġa li taqta’ u li kienet il-mara li kissret il-flixkun u li anke kellha sikkina f’idejha fil-ħin li weġġgħet, hemm dubji serji kif dawn il-feriti setgħu saru mill-akkużat.
Il-Qorti nnutat ukoll kif il-ġrieħi saru hekk kif il-mara kienet fl-istalla, u fejn ħadd minn dawk preżenti raw xi demm qabel ma hija tħalliet toħroġ. Fuq ir-reat li huwa kkawża fuqha l-biża li se sseħħ xi vjolenza kontriha, l-Qorti qalet li dan kien nieqes mill-provi miġjuba.
Ir-raba’ reat li kien akkużat bih, dik li nsulentaha, din ma kienitx aktar reat u għalhekk kien ukoll liberat minnha. Il-Maġistrat Mifsud ikkundanna l-użu ta’ vjolenza fil-kuntest familjari fejn qal li l-familja għandu jkollha spazju ta’ sigurtà u għall-individwu li jaqsam il-ħajja.
“Kull forma ta’ vjolenza fil-familja hija dejjem ħażina u qatt ma tista’ tkun ġustifikata, irrispettivament miċ-ċirkustanzi kollha li twassal għal kull każ”.
Il-Qorti qalet li trid tiddeċiedi biss fuq il-provi li jkollha quddiemha, mhux bħal dawk li jikkummentaw mingħajr lanqas biss jesperjenzaw il-każ, u li xi kultant ikollhom biss assunt tas-sitwazzjoni li tkun pubblikata fl-media, li xi kultant minn naħa tagħhom ikollhom problema minħabba nuqqas ta’ spazju biex jirrappurtaw l-argumenti kollha legali.
Ir-raġel instab ħati biex fuq l-ewwel akkuża u lliberatu bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sena. Il-Maġistrat Mifsud finalment stieden liż-żewġ partijiet biex isolvu d-differenzi bl-assistenza ta’ proffesjonisti.
//= $special ?>