Il-President tal-Bolivja, Evo Morales, ġie dikjarat rebbieħ tal-elezzjoni tal-Ħadd, minkejja r-riżultati kuntestati li wasslu għal irvellijiet fil-kapitali La Paz, minbarra akkużi dwar frodi elettorali.
L-uffiċjali qalu li Morales rebaħ ftit aktar minn 47 fil-mija tal-vot u li hu rnexxielu jegħleb lill-eqreb rivali tiegħu b’aktar minn għaxar punti perċentwali. Il-vantaġġ irrappurtat ifisser li Morales irnexxielu jevita tieni fażi deċiżiva tal-elezzjoni.
Intant, żdiedu l-akkużi dwar ‘tbagħbis’ wara li l-għadd tal-voti kien ġie interrott għal 24 siegħa. Dan waqt li Carlos Mesa, il-kandidat li spiċċa t-tieni, sejjaħ biex isir tieni rawnd tal-votazzjoni, bl-istess talba ssir mill-Istati Uniti, il-Brażil, l-Arġentina u l-Kolombja.
Madankollu, Morales, li hu l-ewwel President indiġenu tal-Bolivja, issa qed iħejji biex ikompli jmexxi pajjiżu sal-2025. Dan meta ħafna ċittadini fil-Bolivja qalu li m’għandhomx aktar fiduċja fl-awtoritajiet elettorali — bil-protesti mistennija jkomplu.
//= $special ?>