L-Ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea qablu dwar dawmien għall-proċess ta’ Brexit (it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni) — iżda mhumiex se jiddeċiedu dwar data ġdida għal deadline qabel il-ġimgħa d-dieħla. Dan meta l-Kummissjoni Ewropea sostniet li l-ħidma fir-rigward tal-iżvilupp ‘għandu jkompli fil-jiem li jmiss’.
Il-Kanċillier (Ministru tal-Finanzi) Britanniku, Sajid Javid, qabel, kien ammetta li ‘ma jistax jintlaħaq’ id-deadline tal-31 ta’ Ottubru biex il-Gvern tar-Renju Unit iwassal għal Brexit. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, qal li kien qed jistenna biex l-UE ‘tiddeċiedi xi trid tagħmel’.
Id-deputati fil-House of Commons ta’ Londra, nhar it-Tnejn, mistennija jikkunsidraw is-sejħa tal-Prim Ministru Johnson għal elezzjoni ġenerali bikrija fir-Renju Unit.
Johnson qed jgħid li jrid li l-poplu Britanniku joħroġ jivvota ( f’elezzjoni ġenerali) fit-12 ta’ Diċembru, f’każ li l-UE toffri dawmien ta’ Brexit effettiv sal-31 ta’ Jannar.
Madankollu, il-prospetti li jkun hemm biżżejjed deputati li jappoġġjaw il-mozzjoni ( li teħtieġ l-appoġġ minn żewġ-terzi tal-House of Commons) qegħdin jidhru inċerti. Dan meta l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni mhux qed jikkommetti ruħu dwar kif qed jippjana biex jivvota.
Boris Johnson qal li ‘l-għażla preferuta tiegħu’ tinvolvi posponiment qasir ta’ Brexit ‘sa bejn il-15 u t-30 ta’ Novembru’.
Sadanittant, Mina Andreeva, il-kelliema għall-Kummissjoni Ewropea, qalet, wara l-laqgħa fi Brussell, li ‘is-27 Stati tal-UE qablu dwar il-prinċipju ta’ estensjoni (għal Brexit), bix-xogħol relatat irid ikompli fil-ġranet li ġejjin’.
Skont Andreeva, il-mexxejja Ewropej beħsiebhom jaslu għal deċiżjoni mingħajr ma jidħlu għal summit ta’ emerġenza. Dan fost rapporti li l-laqgħa għall-ambaxxturi kienet waħda ‘kostruttiva’ u li fiha ‘sar qbil konkret dwar il-ħtieġa ta’ estensjoni għad-deadline ta’ Brexit’.
//= $special ?>